INAWGURAT XOGĦOL TA’ RESTAWR FIL-KAPPELLA TA’ SANT’ANNA FIL-PWALES
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih li jinawgura r-restawr li sar fil-Kappella ta’ Sant’Anna fil-Pwales minn ħaddiema tal-Gvern fi żmien li kien Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar snin, l-interess fil-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna kiber mhux biss bil-ħolqien ta’ infrastruttura min-naħa tal-Gvern għall-ħarsien ta’ dan il-wirt, iżda anke bit-twelid ta’ għaqdiet volontarji. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern waqqaf il-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni għall-belt Valletta , il-Floriana, il-Kottonera u l-Imdina. Twaqqaf ukoll il-Unit għar-Restawr. Dawn bejniethom qed iwettqu ħidma ta’ restawr u riabilitazzjoni fuq mijiet ta’ proġetti.
Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru responsabbli mit-turiżmu u l-kultura kien jinteressah li jara li bini storiku f’pajjiżna jinżamm fi stat tajjeb. Hu qal li Malta kienet magħrufa għall-mijiet ta’ knejjes u kappelli u għat-teżori ta’ l-arti li kien fihom. Hu qal li dawn ridna nħarsuhom biex jitgawdew sew mill-poplu Malti u anke biex permezz tagħhom inkomplu nippromwovu Malta bħala esperjenza ta’ storja, arti u kultura.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li mxerrda mal-kampanja ta’ pajjiżna għandna numru kbir ta’ kappelli. Hu qal li dawn il-kappelli kienu jonqxu fihom parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna, għaliex mhux biss kienu postijiet ta’ kult iżda kienu jintużaw anke bħala postijiet ta’ tagħlim u difiża. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn il-kappelli llum kienu wkoll attrazzjoni turistika.
Francis Zammit Dimech qal li tliet snin ilu kien irċieva talba mingħand l-Għaqda Ex-Studenti tal-Liċeo għal għajnuna biex jirrestawraw il-kappella qadima u sabiħa ta’ Sant’Anna fil-Pwales. Hu qal li permezz ta’ diversi taqsimiet fit-Taqsima tax-Xogħlijiet kien twettaq xogħol ta’ restawr fuq barra u fuq ġewwa tal-kappella u fis-sagristija. Kien sar ukoll xogħol ta’ waterproofing. Hu qal li kien jemmen li l-flus li ntefqu fuq dan il-proġett kienu nvestiti tajjeb għaliex kien ingħata kontribut biex din il-kappella terġa’ tingħata d-dehra sabiħa li kellha meta nbniet.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bil-ħidma li twettqet, ġojjel arkitettoniku u storiku ieħor ta’ pajjiżna kien salvat biex jitgawda llum u minn ġenerazzjonijiet futuri. Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru responsabbli sew mit-turiżmu kif ukoll mill-kultura ried jinkoraġixxi kumpanniji kummerċjali u għaqdiet volontarji biex ikomplu jikontribwixxu għall-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li diġa’ kien hemm diversi organizzazzjonijiet li kienu qed jikkontribwixxu iżda qatt ma kien biżżejjed għaliex Malta kienet fost l-aktar pajjiżi li kellha bini storiku ta’ epoki differenti li jinfirxu tul perijodu ta’ 7,000 sena.
Francis Zammit Dimech qal li xtaq jirringrazzja lill-Għaqda Ex-Studenti tal-Liċeo għad-dedikazzjoni u ħidma tagħhom mingħajr interessi biex din il-kappella kienet restawrata u biex il-bdiewa u residenti oħra ta’ l-inħawi jgawdu l-festa ta’ Sant’Anna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura wara kixef irħama kommemorattiva li tfakkar dan ix-xogħol ta’ restawr.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en