APPOĠĠ MILL-GVERN LIL 15-IL ORGANIZZAZJONI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
“Hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jaħdmu aktar flimkien għall-ġid tal-kommunitajiet Maltin”. Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea meta iltaqa ma’ ħmistax-il organizzazjoni taż-żgħażagħ li ingħataw appoġġ finanzjarju mill-Ministeru. Louis Galea tkellem dwar l-importanza tan-‘networking’ bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex flimkien ikunu jistgħu jiksbu aktar u jkunu aktar effettivi. Hu qal li għalkemm kull organizzazzjoni ikollha l-iskopijiet u s-setturi partikolari li fuqhom tiffoka l-organizzazjonijiet kollha għandhom l-iskop li jaħdmu favur il-komunitajiet tagħhom.
Bħala parti mill-programm ta’ appoġġ u assistenza lill-organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol jidentifika numru ta’ organizzazzjonijiet li fix-xogħol tagħhom, jwettqu attivitajiet u inizjattivi li minnhom jibbenefikaw il-komunitajiet ta’ madwarhom. Kull sena isiru żewġ selezzjonijiet u għall-perijodu Lulju – Diċembru 2004 inħatar kumitat apposta b’rappreżentanza tal-Ministeru, tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u tat-taqsima tal-programmi Ewropej (EUPU) biex jagħżlu numru ta’ organizzazzjonijiet. Il-Kumitat għażel ħmistax-il organizzazzjoni minn fost 29 li applikaw għall-assistenza u alloka madwar Lm4,000. L-organizzazzjonijiet magħżula huma:
· Malta Girl Guides Association
· Kooperattiva Kummerċ Ħieles
· Inizjamed
· Life Cycle Organisation
· Żgħażagħ Ħaddiema Nsara
· Mosta Youth Empowerment Programme
· Kumitat Festa Esterna – Dingli
· Faith Alive Teens
· Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ
· Moviment Graffitti
· Gozo Youth Voluntary Group
· Żgħażagħ Azzjoni Kattolika
· The Helping Hands Group
· Adolescent Group of Żabbar
· Kerygma
L-għażla saret skond kriterji stabbiliti u l-preferenza ingħatat lil dawk l-organizzazzjonijiet li ma kienux ingħataw għajnuna fl-ewwel nofs tas-sena, lil-dawk li wettqu programmi innovattivi, lil dawk l-organizzazzjonijiet li wrew li huma kapaċi jiksbu fondi minn bnadi oħra u lil dawk l-organizzazzjonijiet li jwettqu ħidma li taqbel ma dik tal-programmi tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Il-Programm ta’ appoġġ jinkwadra tajjeb ma’ l-iskopijiet tal-Kummissjoni Ewropeja dwar l-attivitajiet volontarji fejn hu mistenni li l-pajjiżi membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet li huma attivi fis-soċjeta’ u fil-volontarjat taż-żgħażagħ.
Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Politika taż-Żgħażagħ hi li jingħata appoġġ lill dawk l-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-demokrazija, l-paċi, il-parteċipazzjoni, ix-xogħol, l-inklużjoni soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien ta’ l-ambjent u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet.
F’dawn l-aħħar sentejn 56 organizzazzjoni taż-żgħażagħ ingħataw appoġġ finanzjarju ta madwar Lm 20,000 mill-Gvern. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet li jmiss issir f’Novembru li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942