L-INTRODUZZJONI TA’ EKO KONTRIBUZZJONI – NINVESTU BIEX NIMMANIĠĠJAW L-ISKART
L-introduzzjoni ta’ Eko Kontribuzzjoni hija konferma ta’ l-impenn tal-Gvern li jinvesti bis-sħiħ fl-immaniġġjar ta’ l-iskart ġġenerat f’pajjiżna. Hija wkoll miżura li tgħin fil-għarfien tal-bżonn li nagħtu każ l-ambjent ta’ madwarna.
Dan qalu l-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi Lawrence Gonzi waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ngħataw aktar dettalji dwar l-introduzzjoni ta’ Eko Kontribuzzjoni. Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Tonio Fenech.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li bħalma kien tħabbar fid-diskors tal-Budget tas-sena l-oħra, l-Gvern qed iniedi din l-Eko Kontribuzzjoni li tinġabar fuq numru ta’ prodotti sabiex:
· ikopri parti mill-ispejjeż ta’ l-implimentazzjoni ta’ sistema sostenibbli ghall-immaniggjar tal-iskart ; u
· jaghmel lill-konsumatur konxju mill-htiega li juza materjali li jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent.
Hu qal li l-Gvern wara konsultazzjonijiet mal-Federazzjoni tal-Industrija, il-Kamra tal-Kummerc u l-GRTU illum se jippubblika abbozz ta’ ligi sabiex jirregola l-introduzzjoni ta’ Eko Kontribuzzjoni. Hu mistenni li dan l-abbozz jibda jigi diskuss fil-gimgħat li ġejjin fil-Parlament.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li l-Gvern hu impenjat li jsolvi l-problema ta’ l-iskart u għal dan il-għan fil-ġimgħat li għaddew ma ntefax aktar skart tal-bini fil-miżbliet iżda qed jingħata sussidju biex dan l-iskart jintefa’ fil-barrieri. Barra minn hekk ingħalqu l-faċilitajiet tal-Magħtab u l-Qortin f’Għawdex qabel l-1 ta’ Mejju. George Pullicino qal li l-pass li jmiss hu li jkunu riabilitati dawn is-siti kif ukoll li jsir investiment f’faċilitajiet u sistemi oħrajn. (Ara lista ta’ proġetti mehmuża)
Il-Ministru George Pullicino qal li l-estimi finanzjarji għal din is-sena juru li l-WasteServ se jkollha bżonn ma’ l-Lm4 miljuni għall-operat tagħha.
Hu qal li meta prodott jidħol fis-sistema ta’ l-iskart u ma jinġabarx minn skema ta’ ġbir organizzata, l-Eko Kontribuzzjoni għandha tgħin biex tiffinanzja inizjattivi ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart marbuta ma’ dak l-istess prodott. Dawn jinkludu :
- l-ispejjeż diretti ta’ l-operazzjoni mill-ġbir sa ma jintrema l-prodott ;
- il-kapital u l-ispejjeż indiretti ta’ l-operazzjoni mill-ġbir sar-rimi tal-prodott ;
- l-ispejjeż diretti involuti ma’ servizzi oħrajn ;
- l-ispejjeż diretti u indiretti li għandhom x’jaqsmu ma’ ippjanar, informazzjoni, kampanji
edukattivi, superviżjoni u amministrazzjoni.
Dan kollu juri li sistema sostenibbli għall-immaniġġjar ta’ l-iskart tiswa l-flus kbar. Fl-istess hin wiehed irid izomm f’mohhu li sa’ llum ħadd ma jħallas xejn għall-ġbir ta’ l-iskart li jsir ta’ kuljum.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern ħa l-parir tal-Federazzjoni ta’ l-Industriji sabiex titwaqqaf kummissjoni li tezamina l-effett ta’ dawn ir-rati ta’ kontribuzzjoni, u tistudja l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġbir ta’ materjali mill-produtturi u l-importaturi.
Din il-kummissjoni, li se jippartecipaw fiha rappreżentanti tal-FOI, Kamra tal-Kummerc u GRTU, għandha tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha sa’ l-aħħar ta’ Ottubru li ġej.
Il-firxa ta’ prodotti li se tkun inkluża fis-sistema ta’ eko-kontribuzzjoni tinkludi :
o numru ta’ kontenituri ta’ xorb (plastik, ħġieġ jew metall) kkunsmati lokalment,
sew jekk impurtati kif ukoll magħmulin f’Malta;
o prodotti ta’ fwejjaħ u prodotti tal-ħasil ;
o batteriji u accumulators;
o tyres;
o apparat elettroniku (televisions u telephones) u white goods;
o żejt (mhux ta’ l-ikel) u filters taż-żejt.
L-Eko Kontribuzzjoni mhux se tapplika għall-prodotti esportati. (Ara wkoll tabella annessa)
Il-Ministru George Pullicino enfasizza li meta ġie biex jistabbilixxi r-rati l-Gvern ta wkoll importanza lill-aspett soċjali minbarra l-element tal-ispiza biex il-prodott partikolari jingabar u jghaddi mis-sistema tal-immaniggjar tal-iskart.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Tonio Fenech spjega l-mod ta’ kif se tkun amministrata l-Eko Kontribuzzjoni u qal li l-awtorita’ kompetenti se jkun id-Dipartiment tal-VAT. Tonio Fenech qal li l-Gvern qagħad ferm attent li ma jżidx burokrazija u kontrolli żejda ma’ dawk li diġa jeżistu u dan biex jassigura amministrazzjoni aħjar u bl-anqas spejjeż possibli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950