STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI ŻGĦAŻAGĦ U XOGĦOL U L-MINISTERU TA’ L-AFFARIJIET RURALI U AMBJENT DWAR ĊENTRU REĠJONALI TA’ RIĊERKA DWAR L-EDUKAZZJONI AMBJENTALI
“It-twaqqif taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u Riċerka Ambjentali jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti importanza lill-inizjattivi li jippromwovu edukazzjoni ambjentali.” Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent George Pullicino waqt l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding, taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u Riċerka. Iċ-Ċentru, li se jifforma parti mill-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Malta għandu l-iskop li jipprovdi taħriġ u programmi ta’ riċerka għall-Malta u għall-bqija tar-reġjun Ewro-Mediterranju li jippromwovu edukazzjoni ambjentali u jgħin fl-iżvilupp ta’ esperti f’dan is-settur.
L-iffirmar sar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ, u Xogħol, Louis Galea, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino, ir-Rettur ta’ l-Universita’, Roger Ellul Micallef u ċ-Chairman ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, Andrew Calleja.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim il-Ministru Louis Galea qal li bil-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru il-Gvern se jkun qed iżid ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi favur l-ambjent u partikolarment favur l-ambjent permezz ta’ l-Edukazzjoni. Hu tenna li għalkemm il-Gvern irid ikompli jaħdem fuq l-infurzar tal-liġijiet l-edukazzjoni tibqa’ l-aħjar mezz biex il-poplu Malti jsir dejjem aktar konxju tal-bżonn ta’ ambjent nadif u b’saħħtu u tal-bżonn li l-ħajja tagħna tkun waħda sostenibbli u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.
L-edukazzjoni ambjentali għandha tlett għanijiet ewlenin:
· li żżid l-għarfien dwar l-aspetti kollha li jeffettwaw l-ambjent (id-dimensjoni ekonomika, soċjali, politika u ekoloġika);
· li tipprovdi opportunitajiet għaċ-ċittadin biex jikseb tagħrif, valuri, attitudni, impenn u abilita’ li huma meħtieġa għall-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent; u
· li tippromwovi metodi ta’ imġieba li jirrispettaw l-ambjent.
Kif kien konfermat ukoll mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għall-Strateġija Nazzjonali għal Żvilupp Sostenibbli, l-edukazzjoni titqies bħala waħda mill-bżonnijiet ewlenin għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Pullicino qal li permezz tat-twaqqif ta’ dan iċ-Ċentru, il-Gvern qed jagħmel pass konkret favur l-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni ambjentali fil-bidu ta’ l-United Nations Decade of Education for Sustainable Development.
Kif kien intqal fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni fi tmiem is-Summit Dinji dwar Żvilupp Sostenibbli li kien sar fl-2002 – ‘Education for Sustainable Development is an investment in our future…each respective country should ensure that appropriate resources are made available for its development'.
Iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u Riċerka Ambjentali, li se jopera minn bini li kien jintuża bħala skola primarja fil-Fawwara, limiti tas-Siġġiewi, qed jitwaqqaf mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u bil-kollaborazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Malta , il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, u l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942