LOGĦOB TAL-FISEC - SE JIEĦDU SEHEM IL-FUQ MINN 180 ATLETA MALTI
“Il-gvern qed jagħti l-appoġġ tiegħu bl-aktar mod sħiħ biex il-qasam sportiv ikompli jiżviluppa f’industrija ewlenija fil-pajjiż. Il-faċilitajiet li għanda f’pajjiżna qed jattiraw avvenimenti internazzjonali. Dan iwassal kemm biex kull darba intejjbu l-ħiliet organizzattivi tagħna, kemm biex nattiraw aktar turiżmu lejn pajjiżna kif ukoll biex aktar atleti Maltin jieħdu esperjenza ta’ attivitajiet sportivi f’dawn il-livelli.” Dan qalu l-Ministru Louis Galea li hu responsabbli mill-Edukazzjoni u l-Isport. Louis Galea qal li l-logħob tal-FISEC ilaqqgħu flimkien l-edukazzjoni u l-isport peress li dawn huma logħob organizzati bejn l-iskejjel kattoliċi f’pajjiżi differenti. Hu qal li l-organizzazzjoni ta’ dawn il-logħob f’pajjiżna ħabat tajjeb fis-Sena Ewropea ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-iSport u jkomplu jsaħħu s-sensiela ta’ attivitajiet li seħħew fl-iskejjel tagħna tul is-sena li għaddiet. Louis Galea qal li l-Gvern qed jappoġġja l-logħob tal-FISEC kemm b’finanzjament sostanzjali kif ukoll permezz ta’ l-użu tal-faċilitajiet sportivi tal-Gvern.
Għas-56 edizzjoni tal-logħob tal-FISEC li se jsiru f’pajjiżna bejn it-18 u l-24 ta’ Lulju li ġej, Malta se tkun rappreżentata mill-akbar kontinġent li qatt ħa sehem s’issa fl-istorja ta’ dan il-logħob.” Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Kunsill Malti tal-FISEC Bro. Martin Borg fsc, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq illum wara nofsinhar.
L-atleti Maltin se jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet differenti fl-atletika, għawm, tennis, tabletennis, basketball ta’ l-irġiel u tan-nisa, football, futsal, handball ta’ l-irġiel u tan-nisa u volleyball ta’ l-irġiel u tan-nisa. Dawn l-atleti se jkunu wkoll mmexxija minn 22 coach lokali li fl-aħħar xhur ippreparaw bi sħiħ lill-atleti Maltin.
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ingħataw ukoll dettalji dwar iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-għaxija fil-Mellieħa. Iċ-ċerimonja se tibda għal ħabta tat-tmienja meta l-atleti kollha jimxu flimkien u qabel ma jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa jkunu preżenti wkoll għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar tal-pajjiżi parteċipanti u tal-bandiera tal-FISEC filwaqt li tinxtegħel ukoll it-torċa tal-logħob. Barra dan isiru wkoll diskorsi tal-okkazjoni minn naha tas-Sur Francisco Vigara President tal-kumitat internazzjonali u tas-Sur Louis Borg, direttur tal-logħob fi ħdan il-kumitat Malti. Ma jonqosx ukoll li l-kantanta Maria Mallia tkanta l-kanzunetta uffiċjali tal-logħob “Don’t be afraid” bi kliem ta’ Ray Mahoney u mużika ta’ Dominic Galea u jiġi enfazizzat ukoll il-motto tal-logħob ta’ din is-sena li hu “fair play the winning way”.
Bro. Martin Borg kkonferma wkoll li anki din is-sena l-logħob se jkollu l-mascot tiegħu li huwa s-simbolu ta’ TINU filwaqt li mhux se jonqos li bhal kif ġara fil-passat matul il-gimgha ta’ logħob jiġi organizzat bażaar fejn l-atleti kollha jagħtu eżempju ta’ solidarjeta’ billi jkunu huma stess li jbiegħu oġġetti differenti. Il-qliegħ kollu mill-bażaar se jmur b’risq il-ħidma tal-ordni tas-sorijiet ta’ Madre Teresa f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, is-Sur Louis Borg ikkonferma li b’kollox fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-logħob se jieħdu sehem aktar minn elf persuna bejn atleti u uffiċjali u dan kien jitlob ukoll il-kontribut ta’ numru ta’ voluntieri. “Dan il-fatt jikkonferma kemm il-kumitat Malti tal-FISEC qiegħed jagħti kontribut dirett u qawwi fil-qasam tat-turiżmu sportiv,” ikkummenta s-Sur Borg.
Il-kontinġenti barranin se jkunu kollha alloġġjati f’Buġibba u l-Qawra fil-lukandi New Dolmen, Mercure Coralia San Antonio, Santana, Sunflower, Qawra Palace Hotel u Bugibba Holiday Complex. Il-logħob jibda mit-Tnejn fil-għodu u b’kollox se jintużaw disa’ faċilitajiet sportivi li huma – il-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq, is-sala Multipurpose f’Tal-Qroqq, il-kumpless sportiv tal-Marsa, il-padiljun ta’ Kordin, il-padiljun tal-kulleġġ Savio f’Ħad-Dingli, il-kumpless sportiv tal-Kottonera, il-Matthew Micallef St. John Athletic Stadium tal-Marsa, il-kulleġġ San Alwigi u l-gym tal-kulleġġ De La Salle.
Il-logħob jiġi fi tmiemu biċ-cerimonja ta’ l-għeluq li ssir fit-23 ta’ Lulju tard filgħaxija f’lukanda ewlenija f’Buġibba. Id-dħul għal-logħob se jkun b’xejn. Il-kumitat Malti tal-FISEC appella lill-pubbliku sportiv Malti biex jattendi għal dan il-logħob u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942