Left arrow Go Back

NIPPROMWOVU L-ARTI U L-KULTURA TA’ PAJJIŻNA

PR1151
Date Icon 09/07/2004

Meta kien qed jinawgura l-Bugibba Arts Festival, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir kbir għalih li jinawgura dan il-Festival, li din is-sena jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu. Hu qal li s-sena l-oħra kien inawgura dan il-festival bħala Ministru tat-Turiżmu. Wara li l-Prim Ministru kien għoġbu jgħaqqad il-kultura mat-turiżmu, kien iħoss li l-preżenza tiegħu f’dan il-festival kienet aktar importanti għaliex kienet qed tiġbor flimkien il-preżentazzjoni ta’ l-arti lokali f’ambjent turistiku.

Francis Zammit Dimech qal li l-kultura u l-arti kienu mezz qawwi ta’ promozjoni għal Malta barra minn xtutna. Kien għalhekk importanti li ninkoraġixxu kwalunkwe attivita’ kulturali li tittella’ f’pajjiżna u li kienet ta’ attrazzjoni sew għall-Maltinn kif ukoll għall-barranin.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna kien qed jitwal kull sena. Hu qal li din is-sena kellna ġimgħat ta’ attivitajiet kulturali li, qabel, anqas biss konna noħolmu bihom. Hu qal li dawn kienu jinkludu Festa ta’ Mużika mtella’ mill-Orkestra Nazzjonali, Stradivari Season bi 17-il programm mużikali f’ambjenti storiċi, il-World Music Festival u l-Malta Jazz Festival.  

Il-Ministru Zammit Dimech fakkar kif ftit tal-jiem ilu kellna fostna lill-kantant popolari Taljan Eros Ramazzotti li ta kunċert li għalih kienu preżenti aktar minn 11,000 persuna. Hu qal li attivita’ oħra li ser tittella’ fil-pjazza tal-Forti Manoel kienet il-Malta Classic Rock Festival.

L-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet kienet taħlita tas-settur pubbliku u s-settur privat. Hu qal li ried jirringrazzja kemm lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu kif ukoll lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għall-ħidma tagħhom. Hu qal li ried jirringrazzja wkoll lis-settur privat li kien qed jikkontribwixxi bil-kbir biex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jittellgħu.

Francis Zammit Dimech qal li ried jifraħ lill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar li b’kollaborazzjoni mal-Malta Hotels & Restaurants Association u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu kienu qed jorganizzaw din l-attivita’ għat-tieni sena konsekuttiva. Hu qal li kollaborazzjoni bħal din tgħin biex inkomplu noħorġu l-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna u biex insiru aktar konxji minnhu  aħna, u jsiru jafu dwaru l-barranin.  Francis Zammit Dimech qal li tul dan il-festival pitturi, skulturi, animaturi u atturi kienu se jagħtu wirjiet u jesebixxu x-xogħlijiet u t-talent tagħhom tul il-promenade ta’ Buġibba u Bay Squarefilwaqt li kien se jkun hemm wirjiet ta’ l-arti minn artisti Maltin f’lukandi fl-inħawi.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra kienu lokalitajiet fejn hemm ħafna lukandi, appartamenti għat-turisti u stabbilimenti ta’ l-ikel. Hu qal li attivitajiet bħall-Bugibba Arts Festival kienu jikkontribwixxu biex it-turisti jħossuhom aktar fil-qalba tal-ħajja Maltija u biex l-esperjenza li jieħdu magħhom meta jmorru lura tkun waħda posittiva.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura wera x-xewqa li aktar Kunsilli Lokali jorganizzaw festivals dwar l-istorja u l-arti fil-lokalitajiet tagħhom. Hu qal li l-kultura u l-arti kienu jiddistingwuna minn pajjiżi oħra u għalhekk kien importanti li nagħmlu kull sforz biex inħarsuhom u nippromwovuhom. Hu appella lil Maltin kollha biex iżuru dan il-festival biex nifhmu x’joffri pajjiżna fl-isfera tal-mużika, drama, żfin, kanzunetti, arti u artiġġjanat.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

More Press Releases Right arrow