Left arrow Mur Lura

KORSIJIET ĠODDA TA’ L-INĠINERIJA MEKKANIKA MILL-MCAST

PR1146
Date Icon 09/07/2004

“L-MCAST din is-sena qed toffri korsijiet ġodda li jkomplu jiftħu aktar bibien lill-istudenti tagħna fl-Inġinerija Mekkanika”. Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea meta tkellem fil-laqgħa mtella’ mill-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom li huma mħajjrin ikomplu f’din il-linja ta’ studju.

Louis Galea sostna li l-ekonomija Maltija tiflaħ numru akbar ta’ ħaddiema imħarrga fid-diversi oqsma ta’ l-inginerija mekkanika. “Diġa’ fil-pajjiż hawn domanda għal tekniċi u ħaddiema tas-sengħa li kisbu taħriġ u kwalifiki ta’ kwalita` f’dan is-suġġett.  Meta l-investituri jiġu biex jinvestu f’Malta ħafna drabi jsaqsu jekk għandniex tekniċi ta’ l-inġinerija mekkanika għax tista` tgħid l-industriji kollha għandhom bżonn nies imħarrġa tajjeb f’dan il-qasam.”  

Il-Ministru Galea fisser li l-korsijiet ta’ l-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika huma fost l-aqwa fil-pajjiż.  L-MCAST għandu għalliema ta’ esperjenza prattika u faċilitajiet u apparat moderni għat-taħriġ.  Fil-korsijiet hemm element qawwi ta’ prattika fuq il-bank tax-xogħol u fl-industrija.  L-MCAST u l-Istitut jaħdmu id f’id ma’ l-industrija biex jassiguraw taħriġ rilevanti.  Infatti l-korsijiet il-ġodda qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Airmalta, il-Lufthansa Teknik, u l-Medavia għaliex l-industrija tat-tiswija u l-maintenance ta’ l-ajruplani issa qed tikber f’Malta.  Il-Ministru sostna li hemm bżonn aktar żgħażagħ jidħlu għal dawn il-korsijiet. Hemm bżonn akbar li t-tfajliet ma jibqgħux jaħsbu li dawn huma korsijiet tajbin biss għall-irġiel. Ix-xogħol fl-inġinerija mekkanika tista` tagħmlu tfajla daqs kemm jagħmlu raġel u fid-dinja tax-xogħol tal-lum hemm opportunitajiet ta’ xogħol ta’ tekniċi f’dan is-suġġett fejn it-tfajliet ikunu preferuti.  

Louis Galea temm jgħid li min jieħu bis-serjeta` il-korsijiet ta’ l-inġinerija mekkanika u jkompli jtejjeb il-kwalifiki tiegħu ser ikollu vantaġġ fid-dinja tax-xogħol għal impiegi jew negozju li jirrendi pagi u qligh tajbin.  

Din is-sena l-MCAST qed joffri korsijiet ġodda f’Istituti differenti.  L-Istitut ta’ l-Inġenerija Mekkanika qed joffri bħala korsijiet ġodda:

1) MCAST/BTEC National Certificate/Diploma in Mechanical Engineering; 
2) MCAST/BTEC First Diploma in Mechanical Engineering; u 
3) MCAST/BTEC National Diploma in Aerospace Engineering.  

L-MCAST/BTEC National Diploma in Mechanical Engineering jieħu sentejn part-time għaċ-ċertifikat u sentejn full-time għad-diploma. Il-kors huwa mmirat għal dawk li huma mħajra jibdew karriera ta’ tekniċi u toffri wkoll l-opportunità lill-istudenti jkomplu għall-BTEC National Diploma.  

L-MCAST/BTEC First Diploma in Mechanical Engineering huwa kors li jibbaża aktar fuq prattika biex joffri aktar esperjenza meta l-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jieħu sena full-time.  

Il-BTEC National Diploma in Aerospace Engineering li qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ l-industrija lokali jwassal lill-istudenti għall-Joint Aviation Requirements (JAR 66) u jwassalhom ukoll biex jaħdmu fl-Industrija tal-maintenance ta’ l-ajruplani. Il-kors hu ta’ tliet snin u jirrikjedi taħriġ ma’ l-Industrija tal-Maintenance ta’ l-Ajruplani.  

Is-sena l-oħra daħlu 173 student gdid u kien hemm aktar minn 300 student jieħdu taħriġ fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika, u n-numru mistenni jikber din is-sena. L-Istitut qed jigi wkoll attrezzat b’bini u apparat ġdid, bħal Computer Aided Design (CAD) Labs ġodda, Science Lab u Metrology Lab ġdid, upgrade tas-CNC (Computer Numerically Controlled) Machine Software, workshop ġdid tal-tellara (panelbeating), workshop tal-mekaniks għat-tiswija tal-karrozzi, u machine shop.  Fil-qasam taż-żebgħa tal-karrozzi (spraying) l-Istitut ta’ l-Inginerija Mekkanika laħaq ftehim ma’ ditta privata biex it-taħriġ isir fil-workshops u l-laboratorji tagħha bl-għajnuna ta’ esperti barranin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow