KORSIJIET ĠODDA TA’ L-INĠINERIJA MEKKANIKA MILL-MCAST
“L-MCAST din is-sena qed toffri korsijiet ġodda li jkomplu jiftħu aktar bibien lill-istudenti tagħna fl-Inġinerija Mekkanika”. Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea meta tkellem fil-laqgħa mtella’ mill-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom li huma mħajjrin ikomplu f’din il-linja ta’ studju.
Louis Galea sostna li l-ekonomija Maltija tiflaħ numru akbar ta’ ħaddiema imħarrga fid-diversi oqsma ta’ l-inginerija mekkanika. “Diġa’ fil-pajjiż hawn domanda għal tekniċi u ħaddiema tas-sengħa li kisbu taħriġ u kwalifiki ta’ kwalita` f’dan is-suġġett. Meta l-investituri jiġu biex jinvestu f’Malta ħafna drabi jsaqsu jekk għandniex tekniċi ta’ l-inġinerija mekkanika għax tista` tgħid l-industriji kollha għandhom bżonn nies imħarrġa tajjeb f’dan il-qasam.”
Il-Ministru Galea fisser li l-korsijiet ta’ l-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika huma fost l-aqwa fil-pajjiż. L-MCAST għandu għalliema ta’ esperjenza prattika u faċilitajiet u apparat moderni għat-taħriġ. Fil-korsijiet hemm element qawwi ta’ prattika fuq il-bank tax-xogħol u fl-industrija. L-MCAST u l-Istitut jaħdmu id f’id ma’ l-industrija biex jassiguraw taħriġ rilevanti. Infatti l-korsijiet il-ġodda qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Airmalta, il-Lufthansa Teknik, u l-Medavia għaliex l-industrija tat-tiswija u l-maintenance ta’ l-ajruplani issa qed tikber f’Malta. Il-Ministru sostna li hemm bżonn aktar żgħażagħ jidħlu għal dawn il-korsijiet. Hemm bżonn akbar li t-tfajliet ma jibqgħux jaħsbu li dawn huma korsijiet tajbin biss għall-irġiel. Ix-xogħol fl-inġinerija mekkanika tista` tagħmlu tfajla daqs kemm jagħmlu raġel u fid-dinja tax-xogħol tal-lum hemm opportunitajiet ta’ xogħol ta’ tekniċi f’dan is-suġġett fejn it-tfajliet ikunu preferuti.
Louis Galea temm jgħid li min jieħu bis-serjeta` il-korsijiet ta’ l-inġinerija mekkanika u jkompli jtejjeb il-kwalifiki tiegħu ser ikollu vantaġġ fid-dinja tax-xogħol għal impiegi jew negozju li jirrendi pagi u qligh tajbin.
Din is-sena l-MCAST qed joffri korsijiet ġodda f’Istituti differenti. L-Istitut ta’ l-Inġenerija Mekkanika qed joffri bħala korsijiet ġodda:
1) MCAST/BTEC National Certificate/Diploma in Mechanical Engineering;
2) MCAST/BTEC First Diploma in Mechanical Engineering; u
3) MCAST/BTEC National Diploma in Aerospace Engineering.
L-MCAST/BTEC National Diploma in Mechanical Engineering jieħu sentejn part-time għaċ-ċertifikat u sentejn full-time għad-diploma. Il-kors huwa mmirat għal dawk li huma mħajra jibdew karriera ta’ tekniċi u toffri wkoll l-opportunità lill-istudenti jkomplu għall-BTEC National Diploma.
L-MCAST/BTEC First Diploma in Mechanical Engineering huwa kors li jibbaża aktar fuq prattika biex joffri aktar esperjenza meta l-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jieħu sena full-time.
Il-BTEC National Diploma in Aerospace Engineering li qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ l-industrija lokali jwassal lill-istudenti għall-Joint Aviation Requirements (JAR 66) u jwassalhom ukoll biex jaħdmu fl-Industrija tal-maintenance ta’ l-ajruplani. Il-kors hu ta’ tliet snin u jirrikjedi taħriġ ma’ l-Industrija tal-Maintenance ta’ l-Ajruplani.
Is-sena l-oħra daħlu 173 student gdid u kien hemm aktar minn 300 student jieħdu taħriġ fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika, u n-numru mistenni jikber din is-sena. L-Istitut qed jigi wkoll attrezzat b’bini u apparat ġdid, bħal Computer Aided Design (CAD) Labs ġodda, Science Lab u Metrology Lab ġdid, upgrade tas-CNC (Computer Numerically Controlled) Machine Software, workshop ġdid tal-tellara (panelbeating), workshop tal-mekaniks għat-tiswija tal-karrozzi, u machine shop. Fil-qasam taż-żebgħa tal-karrozzi (spraying) l-Istitut ta’ l-Inginerija Mekkanika laħaq ftehim ma’ ditta privata biex it-taħriġ isir fil-workshops u l-laboratorji tagħha bl-għajnuna ta’ esperti barranin.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942