17-IL KUNĊERT FIL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAS-SAJF
Meta ndirizza lill-istampa dwar The Stradivari Season Malta International Summer Festival, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li bħala parti mill-attivitajiet kulturali li qed ikunu organizzati għal dan is-sajf, l-iStradivari Season b’assoċjazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti qed ittella’ l-Malta International Summer Festival bil-parteċipazzjoni ta’ artisti nternazzjonali minn diversi pajjiżi u artisti Maltin. Hu qal li b’kollox se jsiru 17-il kunċert f’postijiet storiċi u mill-isbaħ, bħall-Bitħa tal-Palazz Presidenzjali, il-bitħa tal-Palazz Vilhena, Manoel Island u ta’ Liesse fix-Xatt tal-Belt.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bħala parti minn dan il-festival qed tingħata spinta lit-talent żagħżugħ billi se ssir kompetizzjoni għal mużiċisti żgħażagħ. Il-Lejla Finali ta’ The Stradivari-Lufthansa Competition se tinżamm fl-10 ta’ Lulju fil-bitħa tal-Palazz Vilhena fl-Imdina.
Francis Zammit Dimech qal li l-kompetizzjoni għaż-żgħażagħ qed tkun imnedija mil-linja ta’ l-ajru Ġermaniża Lufthansa, li qed tiċċelebra l-20 Anniversarju minn mindu bdiet topera titjiriet bl-iskeda lejn Malta . Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal darb’oħra qed naraw f’din il-kompetizzjoni, is-sinerġija li qed tinħoloq bejn is-settur tat-turiżmu u l-kultura. Hu qal li filwaqt li The Stradivari Seasonb’assoċjazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qed jorganizzaw din il-kompetizzjoni, is-settur turistiku, permezz ta’ waħda mil-linji ta’ l-ajru ewlenin li joperaw għal Malta, qed jisponsorjaw din l-attivita’. Hu qal li ċ-ċirasa fuq il-kejk hi li din l-attivita’ qed tittella fil-bitħa tal-Palazz Vilhena fl-Imdina, li kienet restawrata mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta’ l-Imdina. Il-Palazz Vilhena hu ġojjel ieħor ta’ storja li kien restawrat biex inġieb għall-glorja tiegħu tal-passat.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-festival internazzjonali qed jattira lejn pajjiżna ismijiet importanti bħad-‘duo’ famuż Bulgaru għall-pjanu Aleksandra u Nikoleta Kocheva, il-magħrufa gittaristi klassiċi Amerikani Gregory Newton u Peter Grimes, il-piano virtuosi Ivan Mishunin u Panagiotis Trochpoulos, David Cohen, cellista ewlieni tal-Philharmonia Orchestra, il-vjolinista Anna-Lisa Bezrodny fi programm varjat ma’ Kotono Sato, Marius Stravinsky u Eleonora Bekova, it-tenur ta’ fama internazzjonali Mark Tucker u l-famuż Bekova Trio. Il-Grand Finale se jkun jinkludi kunċert bil-parteċipazzjoni tas-solisti tat-teatru Bolshoi - il-baritonu Andrey Breus u s-sopran Marina Poplavskaya, akkompanjati minn Eleonora Bekova.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li żewġ attivitajiet oħra importanti f’dan il-festival kienu
o Charity Garden Concert fis-17 ta’ Lulju, bil-wirja mill-Malta Opera Company tal-Cavalleria Rusticana li se tittella’ b’risq il-Malta Cancer Foundation u li se ssir fir-residenza fil-Bidnija tas-Sur Maurice Mizzi.
o Lejla dedikata għal Chopin se tittella’ f’Ta’ Liesse mill-pianista solo tar-radjo Nazzjonali Bulgaru, Mario Angelov fil-21 ta’ Lulju li se tkun segwita jumejn wara minn Grand Concertmill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Alan Chircop. Din tinkludi l-Beethoven Violin Concerto minn Eugeniy Chevkenov u l-Magic Violin ukoll minn Eugeniy Chevkenov. Mis-sena 2000 dan daqq mal-Vienna Philharmonic. Dan il-kunċert se jittella’ fil-bitħa tal-Palazz Vilhena.
o Fil-4 ta’ Awissu se tittella’ ‘Lejla ta’ Opra’ fil-bitħa tal-Palazz Vilhena bil-parteċipazzjoni ta’ Gillian Zammit, Claire Massa u d-Drama Troupe, Albert Zammit – bass u Davinia Galea fuq il-piano. Fis-7 ta’ Awissu se jkun hemm ukoll il-vjolinisti Katono Sato u Marius Stravinsky akkumpanjati fuq il-piano minn Eleonora Bekova.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Festival Internazzjonali tas-Sajf se joffri festa ta’ mużika klassika. Hu qal li ried jieħu l-okkażjoni biex jirringrazzja lil kull min ħadem biex seta’ jittella’ dan il-festival li kien ħolqa oħra fil-kullana ta’ attivitajiet kulturali li kienu qed jittellgħu dan is-sajf. Francis Zammit Dimech awgura lil dawk kollha li kienu se jipparteċipaw f’dan il-festival u ħeġġeġ lill-poplu Malti biex ma jitlifx l-okkażjoni jsegwi numru hekk kbir ta’ mużiċisti ta’ fama lokali u barranin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942