WIRJA TA’ PROGETTI MINN STUDENTI FL-AHHAR SENA TA’ KORS UNIVERSITARJU
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura wirja ta’ proġetti mill-istudenti ta’ l-aħħar sena fil-kors ta’ l-Universita’ B.Sc. I.T. (Hons). Il-Kors ta’ l-informatika fl-Universita’ beda disa’ snin ilu u dan hu s-sitt grupp li se jiggradwa minn dan il-kors. In-numru ta’ studenti li qed isegwu dan il-kors issa tela’ għal ftit mijiet madankollhu dawn l-istudenti huma mfittxija ħafna kemm fl-industrija tal-manifattura kif ukoll f’dik tas-servizzi. Ħafna minn dawk li ggradwaw qed jaħdmu fl-Industrija tas-Software, filwaqt li oħrajn qed isibu mpjieg fl-oqsma ta’ l-accountancy, l-ekonomija, ix-xjenza u l-inġinerija.
Il-wirja tinkludi 42 proġett li l-istudenti jkunu għamlu bħala parti mill-aħħar sena tal-kors fl-Universita’. Dawn ikopru diversi oqsma ta’ speċjalizzazzjoni fl-informatika. Minbarra l-wirja, il-proġetti ġew pubblikati fi ktejjeb li jagħti idea ta’ x’inhuma l-proġetti bl-iskop li kumpaniji u imprendituri lokali u barranin jaraw x’potenzjal għandhom dawn l-istudenti u x’idea u soluzzjonijiet jistgħu joffru.
F’diskos li għamel il-Ministru Galea hu faħħar l-istudenti għall-kwalita’ tax-xogħol li qed jippreżentaw u qal li jemmen li l-universita’ qed tipproduċi kwalita għolja ta’ studenti li huma kapaċi jħabbtuha ma’ l-aqwa mħuħ f’pajjiżi oħrajn. Louis Galea qal li aktar minn setturi oħrajn, is-settur ta’ l-informatika jeżiġi li istituzzjonijiet ta’ taħriġ bħall-Universita u l-MCAST ikunu il-ħin kollu aġġornati ma’ l-iżviluppi li qed iseħħu fil-qasam u fl-industriji li jużaw il-ħiliet ta’ l-istudenti. Fl-istess ħin hemm bżonn li dawk li diġa’ jkunu qed jaħdmu, isibu opportunitajiet ta’ taħriġ u aġġornament biex jibqgħu kompettitivi fid-dinja tax-xogħol. L-Universita’ u l-MCAST diġa’ qed joffru diversi korsijiet għall-adulti u hemm bżonn li dawn ikomplu jiżviluppaw. Louis Galea awgura li l-Universita’ u l-MCAST ikomplu jikkollaboraw flimkien biex l-istudenti miż-żewġ istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu taħriġ u esperjenzi differenti.
Louis Galea temm jawgura kull suċċess lill-istudenti kemm jekk jekk jidħlu għal impjieg iżda b’mod partikolari jekk jiddeċiedu jiftħu għal rashom, hu qal li hemm bżonn li aktar studenti ta’ l-Universita’ jikkonsidraw sewwa l-possibilta’ li jiffurmaw kumpaniji żgħar jew koperattivi, hu tenna li l-ekonomija ta’ pajjiżna, bħal dik ta’ ħafna pajjiżi oħra, hi mibnija fuq kumpaniji żgħar u s-self-employed.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942