Left arrow Go Back

WIRJA DWAR STRUMENTI TAT-TORTURA

PR1122
Date Icon 05/07/2004

Siltiet minn diskors li l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech għamel meta inawgura wirja dwar strumenti tat-tortura li qed tittella’ fil-Palazz ta’  l-Inkwiżitur  il-Birgu

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-wirja li kien se jinawgura kienet waħda li ġġiegħlek tieqaf u taħseb dwar l-istint kiefer tal-bniedem.  Filwaqt li l-annimal joqtol biex jiekol u jgħix, il-bniedem jittortura u joqtol lil min ma jaqbilx miegħu taħt skuża ta’ reliġjon, politika jew anki għal “tindif etniku”.  

Francis Zammit Dimech kompla jghid li din il-wirja, li qed iddur mad-dinja, qed tikseb interess qawwi mhux għaliex l-istrumenti li qed naraw huma xi ħaġa pjaċevoli li tara, iżda għaliex dawn qed juruna l-bniedem fiex jasal fil-kapaċita’ inventiva tiegħu u kif hu kapaċi juża l-intelett u moħħu biex jagħmel il-ħażen u l-ħsara.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur hawn migbura aktar minn mitt strument tat-tortura li ntużaw fil-pajjiżi Ewropej miż-Żminijiet tan-Nofs sas-Seklu 19.  Dawn l-istrumenti juru l-kapacita’ tal-bniedem bħala strument tal-qerda ta’ bnedim oħra. Huma strumenti li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem u d-drittijiet tal-bnedmin li jiddefendu ruhhom mingħajr ma jiġu sfurzati minn mezzi li huma ta’ għajb għal min ivvintahom u aktar għal min ħaddimhom.  

Francis Zammit Dimech qal li l-poplu Malti jistmerr it-tortura u l-piena tal-mewt u għalhekk meta jara strumenti ta’ dan it-tip jipprotesta kontra dawk il-pajjiżi u reġimi li biex jilħqu l-iskopijiet tagħhom għadhom jipprattikaw it-tortura u għad għandhom fuq il-kotba tal-liġi tagħhom il-piena tal-mewt.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech kompla jghid  li din il-wirja kienet qed issir taħt il-patroċinju ta’Amnesty International li hu l-watchdog fid-dinja kontra t-tortura u kontra min jikser id-drittijiet tal-bniedem. Hu qal li minkejja li f’Malta u fl-Ewropa t-tortura spiċċat, u l-piena tal-mewt tneħħiet, għad hawn diversi pajjiżi ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja li għadhom jippratikkawha  biex iżommu popli maħkuma għall-ideat politiċi u reliġjużi tagħhom. Hu qal li lil dawn il-pajjiżi nikkundannawhom mingħajr riservi.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din il-wirja qed tittella’ b’inizjattiva ta’ Heritage Malta li twieldet biex tħares il-patrimonju artistiku, kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li dak li qed naraw f’din il-wirja hu arti tal-ħażen, kultura tal-qirda tal-bniedem u storja li seħħet tul żminijiet oħra f’Ewropa li wkoll għaddiet min żminijiet koroħ fejn min kien imexxi kien jemmen li biex iżomm il-popli siekta milli jesprimu fehmethom kien hemm bżonn il-biża’ u t-tortura.  

Francis Zammit Dimech qal li min  se jżur din il-wirja se jara wkoll ġojjel storiku li l-ġenerazzjoni tal-lum wirtet minn ġenerazzjonijiet oħra. Il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur hu wieħed mill-ftit palazzi ta’ l-Inkwiżituri li għad baqa’ fl-Ewropa. Hu qal li grazzi għal interventi ta’ restawr u riabiltazzjoni li saru fuqu dan il-palazz reġa’ inġieb għall-istat tiegħu ta’ l-imgħoddi. Hu fakkar li kien ftit tal-ġimgħat ilu li inawgura r-restawr tal-faċċata ta’ dan il-palazz li seta’ jsir bl-appoġġ finanzjarju li tat l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li l-bini storiku ta’ pajjiżna seta’ jkun utilizzat aħjar biex mhux biss il-poplu Malti u t-turisti jammiraw l-istorja ta’ pajjiżna iżda biex anke jinġabru l-fondi neċessarji ħalli jkompli jsir xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lil kull min ta sehmu biex din il-wirja setgħet tinġieb Malta u tibqa’ fostna għal sena sħiħa filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti biex iżurha bi ħġaru ħalli jkompli jifhem il-kruha tat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar meta dan ikun il-frott tat-tortura.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

More Press Releases Right arrow