AĠĠUSTAMENT TAL-PREZZIJIET TAŻ-ŻJUT
B’effett mil-lum, il-prezz taż-żjut petrol bla ċomb, Lead Replacement Petrol, Diesel u Pitrolju qed jiġu aġġustati skond iċ-ċaqlieq ta’ dawn l-aħħar tlett xhur fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u t-tisħiħ tal-valur tad-Dollaru Amerikan.
Il-prezz internazzjonali taż-żejt, bl-indikatur Platts, żdied fl-aħħar sena b’rata qawwijja. Fil-fatt bejn Lulju 2003 u Lulju 2004, tunnellata petrol bla ċomb żdiedet f’sena waħda b’US$118.25. Dan ifisser li l-petrol bla ċomb żdied f’sena bi 42%. Id-diesel żdied bi 22% (jew US$58.32 kull tunnellata) u l-pitrolju żdied b’36% (jew US$92.32).
F’din l-aħħar sena, il-prezzijiet taż-żjut komplew it-tendenza li jiżdiedu kontinwament kif ilhom jagħmlu minn Settembru 2001 sal-lum. Fil-fatt, il-prezz internazzjonali tal-lum tal-petrol bla ċomb hu aktar mid-doppju ta’ dak li kien f’Settembru 2001 (US$400.14 llum minflok US$199.04 f’Settembru 2001). Fl-istess perjodu l-prezz internazzjonali tad-diesel żdied bi 52% u l-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’77%.
Minn Settembru 2001, ir-rati taż-żjut mibjgħuha Malta nħadmu skond il-prezzijiet internazzjonali (m’hux skond il-prezz li bih attwalment issib tixtri bih l-Enemalta).
Minħabba d-dgħjufija tad-Dollaru Amerikan tul is-snin 2001-2003, il-prezzijiet Maltin ma kienux affettwati b’mod daqs tant aħrax daqs kemm intlaqtu ħafna ekonomiji oħra. Fil-fatt minflok b’101% bejn Settembru 2001 u Lulju 2004, il-prezz internazzjonali tal-petrol bla ċomb f’Lira Maltija żdied b’59%, il-prezz internazzjonali tad-diesel żdied b’20% u l-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’40%.
F’dawn l-aħħar tlett xhur biss (April sa Ġunju 2004) il-prezz internazzjonali tal-petrol bla ċomb (waqt inċertezza internazzjonali minħabba instabbilità qawwijja fl-Iraq u attakki terroristiċi fis-Saudi Arabia, l-akbar sors ta’ żejt kummerċjali dinji) żdied bi 17.6%. Fl-istess waqt id-Dollaru Amerikan issaħħaħ bi 3%. Dan wassal biex ix-xiri taż-żejt lejn Malta kellu rata tal-kambju sfavorevoli li għolliet il-prezz tal-petrol bla ċomb fi tlett xhur b’20.1%.
Meta dan jirrifletti ruħu fil-prezz tal-bejgħ f’Malta dan jittaffa minħabba li f’dawn it-tlett xhur kompla jitneħħa l-prezz żejjed li kien jiżdied mal-petrol bla ċomb biex jissussidja d-diesel. Dan is-sussidju se jkun tneħħa għal kollox sa l-aħħar ta’ din is-sena. Il-prezz tal-bejgħ f’Malta għandu wkoll elementi oħra u għalhekk jista’ jiżdied b’rata anqas iebsa minn dik tas-swieq internazzjonali. Mil-lum, il-prezz tal-petrol bla ċomb ser jiżdied b’6% u jkun ta’ 38ċ6 kull litru. Il-Lead Replacement Petrol li hu kimikament magħmul minn taħlita li l-parti l-kbira minnha hi petrol bla ċomb, ser jiżdied b’5.5% u jkun 41ċ6 kull litru.
F’dawn l-aħħar tlett xhur ukoll, il-prezz internazzjonali tad-diesel żdied b’14.2%. Iċ-ċaqlieq fil-kambju fisser li meta maqluba għal-Lira Maltija, il-prezz fil-fatt żdied b’16.8%. Id-diesel qed jitkompla jitneħħielu wkoll is-sussidju li qabel kien iħallsu min jixtri l-petrol bla ċomb. Dan ifisser li mil-lum id-diesel ser jiżdied b’7.9% u jinbiegħ b’31c5 kull litru.
F’dawn l-aħħar tlett xhur ukoll, il-prezz internazzjonali tal-pitrolju żdied b’14.4%. Iċ-ċaqlieq fil-kambju fisser li meta maqluba għal-Lira Maltija, il-prezz fil-fatt żdied bi 17%. Dan ifisser li mil-lum id-diesel ser jiżdied b’16.3% u jinbiegħ bi 15ċ1 kull litru.
Ta’ min isemmi wkoll illi minħabba li l-impjanti ta’ l-Enemalta jużaw biss żjut biex jiġġeneraw l-elettriku, dawn iż-żjidiet ser iħallu impatt qawwi fuq l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-Enemalta. Huwa stmat li għal din is-sena biss dan l-impatt ser ilaħħaq mal-Lm3,000,000. Għal din is-sena, din l-ispiża ser terfagħha kollha kemm hi l-Korporazzjoni Enemalta u m’hux ser tgħaddiha lill-konsumatur.
Il-Gvern hu konxju li kull ċaqlieq fil-prezz taż-żejt lokalment jittieħed bħala opportunità għal gwadann politiku u bħala skuża għal parti tas-settur kummerċjali biex isir lobbying għal protezzjoniżmu, kontroll statali, u manipulazzjoni tas-swieq mill-Gvern. Il-Gvern ma jantiċipax li din tkun eċċezzjoni u jerġgħu jissemmew l-argumenti klassiċi ta’ l-inflazzjoni u l-kompettività.
Iż-żidiet internazzjonali fil-prezz taż-żejt ma laqtux lil Malta biss, iżda laqtu lid-dinja kollha. Kien hemm fejn dawn kellhom impatti inflazzjonarji. F’Malta għandna l-mekkaniżmi trasparenti u maqbula minn kulħadd dwar kif jitkejlu dawk l-impatti inflazzjonarji jekk fil-fatt jirriżultaw u x’aġġustamenti għandu jkun hemm għalihom.
L-argument tal-kompetittività irid iżomm f’moħħu li dawn il-prezzijiet laqtu wkoll il-kompetituri tagħna kważi dejjem b’manjiera aktar qawwijja milli qed jolqtu lilna.
Hi x-xewqa tal-Gvern daqs kemm hi ta’ kull Gvern u ta’ kull poplu li ssaltan il-paċi dinjija biex tagħti spazju lill-istabbiltà ekonomika. Iżda t-terroriżmu dinji u l-gwerra fir-reġjun minn fejn jiġi ż-żejt għad-dinja żgur m’humiex fil-kontroll tal-Gvern Malti u anqas f’ta’ min jikkritikah.
Hu importanti wkoll li jinfthiem li argumenti dwar kumpens għall-inflazzjoni u dwar protezzjoni tal-kompetittività, min-natura tagħhom jikkontradixxu lilhom infushom u l-aħjar għażla m’hix għażla bejn argument u ieħor iżda politika ekonomika stabbli li tirreaġixxi fil-ħin u bil-għaqal għax-xenarju ekonomiku dinji kif dan jinbidel.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942