JUM INTERNAZZJONALI TAL-KOPERATTIV
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi ndirizza konferenza organizzata mill-APEX l-organizzazzjoni tal-koperattivi Maltin. Il-Konferenza saret fl-okkażjoni ta’ l-għaxar Jum Internazzjonali tal-Koperattivi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea qal li t-tema tal-Konferenza ta’ l-APEX, ‘Il-koperattivi fi globalizzazzjoni ġusta: ħolqien ta’ opportunitajiet għal kulħadd’ hi bbażata fuq rapport li ħareġ dan l-aħħar mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol dwar il-globalizzazzjoni. Louis Galea qal li filwaqt li ħafna jħossu li bħala individwi ma jistgħux jeffetwaw il-globalizzazzjoni dan id-dokument jitkellem dwar id-dimensjoni lokali ta’ l-istess globalizzazzjoni. Hu qal li biex nibdew inħollu l-kobba tal-globalizzazzjoni rridu l-ewwel nett nindirizzaw u nsolvu kwistjonijiet lokali. Hu semma fost oħrajn il-kwistjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli li għalkemm tidħer fuq quddiem nett tal-kwistjonijiet globali hi wkoll kwistjoni li irridu nitrattaw lokalment.
Louis Galea tkellem ukoll dwar il-Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi li fiħ ukoll wieħed isib ir-rwol tal-koperattivi. Hu qal li hekk kif tibda d-diskussjoni pubblika tal-pjan irridu ninġabru lkoll madwar dan il-pjan biex kulħadd jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu. Il-Ministru Galea qal li hemm bżonn ineħħu minnmoħħ il-poplu l-idea żbaljata li l-koperattivi huma xi ħaġa antikwata u huma limitati għal xi setturi partikolari. ‘Hemm bżonn li nippromwovu l-mudell tal-koperattivi partikolarment billi inwasslu fil-pubbliku s-suċċessi li qed jinkisbu minn koperattivi f’setturi differenti.
Louis Galea semma wkoll il-bżonn li jkompli jiżviluppa l-programm ta’ l-iScoops fl-iskejjel. Hu qal li għalkemm il-programm hu wieħed tajjeb u qed ikun suċċess f’dawk l-iskejjel li jħaddnuħ, hemm bżonn li l-iskejjel kollha jieħdu dan il-programm b’aktar entużjażmu kif jissuġġerixxi l-Kurrikulu Nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942