Left arrow Mur Lura

RIKONOXXIMENT GĦALL-ĦIDMA TA’ IMPJEGATI F’MONTE CARMELI

PR110
Date Icon 30/01/2004

Il-Gvern jirrikonoxxi l-impenn u d-dedikazzjoni tal-maġġoranza tal-ħaddiema li f’Monte Carmeli ta’ kuljum iħabtu wiċċhom ma’ bosta diffikultajiet, biex jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom b’sens ta’ servizz għal ħaddieħor.

Dan enfasizzaħ il-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Louis Deguara meta kien qiegħed iqassam ċertifikati u jippremja numru ta’ ħaddiema fl-Isptar Monte Carmeli.

L-ambjent f’Monte Carmeli hu wieħed partikulari u jitlob sfida kontinwa kemm mill-management, kif ukoll mill-impjegati mill-kbir saż-żgħir. Sfortunatament mhux kull impjegat huwa lest li jaħdem f’Monte Carmeli.  Issib ħafna li jirreżistu li jagħtu s-servizz tagħhom f’Monte Carmeli.  Għax ftit jew wisq, għadha teżisti stigma dwar dan il-post, għalkemm f’dawn l-aħħar snin din naqset konsiderevolment. 

Jekk wieħed iħares lejn l-età medja ta’ l-infermiera wieħed jinnota li din hija pjuttost għolja.  Dan ifisser li l-post mhux jattira infermiera ġodda.  Id-Diviżjoni hija konxja minn din il-problema u fil-fatt qabdet lil Martin Ward, espert internazzjonali fil-qasam tal-kura mentali, biex flimkien mad-Direttur tad-dipartiment ta’ l-infermiera, ifasslu strateġija biex jingħeleb dan in-nuqqas  fil-qasam tal-kura mentali.  Dan irid isir l-aktar permezz ta’ programm ta’ edukazzjoni immirat biex aktar infermiera jaħdmu fil-kura mentali.  Ix-xahar id-dieħel 28 infermiera se jibdew degree course fil-kura mentali.

Il-Ministru saħaq li jrid isir sforz ukoll minn kulħadd biex ngħelbu l-istigma li dan il-post għadu jġorr, anki sfortunatament fost l-infermiera.  Illum il-kura mentali qegħda tinbidel u dan qiegħed iġib bidla wkoll fix-xogħol ta’ l-impjegati.  Sa ftit snin ilu, ir-rwol ta’ l-infermier aktar kien jixbaħ lil dak ta’ gwardjan.  Ilum dan qiegħed jinbidel u l-infermier qieghed ikun aktar parteċipi fil-kura.  Dan ghandu jagħti aktar sodisfazzjon lill-infermiera.

Huwa qal li minkejja li minn żmien għal żmien jinqalgħu xi problemi bejn il-management u l-ħaddiema dan ma jħassarx il-fatt li t-tnejn li huma jistinkaw biex jaraw li l-pazjent ikollu l-aħjar servizz possibbli.  Il-management iħoss li l-maġġoranza ta’ l-impjegat jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira u għalhekk ħa din l-inizjattiva biex juri r-rikonoxximent lejn l-impjegati tal-kontribut li jagħtu.

Il-Ministru filwaqt li rringrazzja lill-infermiera kollha, feraħ lil dawk li kienu qed jiġu ppremjati.  Dan bl-ebda mod m’għandu jiġi interpretat li mpjegati oħra ma jagħtux sehemhom.

Għall-ewwel darba fl-isptar Monte Carmeli, tnediet skema biex permezz tagħha jiġu nominati ħaddiema li matul is-sena 2003, qdew dmirhom b’distinzjoni.  Twaqqaf bord apposta kompost min-nies nominati mill-Bord tad-Diretturi kif ukoll mit-tliet unions prinċipali li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ta’ l-isptar.  Dan il-bord eżamina n-nominazzjonijiet mitfugħa u għażel tlieta li ħass li għandhom jiġu ppremjati.

F’din l-okkażjoni wkoll il-management ippreżenta wkoll ċertifikat lil dawk l-impjegati li matul is-sena 2003 segwew taħriġ f’diversi oqsma.  Il-management iqis it-taħrig bħala prijorità.

F’isem il-management, il-Ministru ppreżenta wkoll tifkira bħala rikonoxximent lil dawk l-impjegati li wara snin ta’ ħidma ġewwa Monte Carmeli laħqu l-età ta’ l-irtirar matul is-sena 2003.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow