RIKONOXXIMENT GĦALL-ĦIDMA TA’ IMPJEGATI F’MONTE CARMELI
Il-Gvern jirrikonoxxi l-impenn u d-dedikazzjoni tal-maġġoranza tal-ħaddiema li f’Monte Carmeli ta’ kuljum iħabtu wiċċhom ma’ bosta diffikultajiet, biex jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom b’sens ta’ servizz għal ħaddieħor.
Dan enfasizzaħ il-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Louis Deguara meta kien qiegħed iqassam ċertifikati u jippremja numru ta’ ħaddiema fl-Isptar Monte Carmeli.
L-ambjent f’Monte Carmeli hu wieħed partikulari u jitlob sfida kontinwa kemm mill-management, kif ukoll mill-impjegati mill-kbir saż-żgħir. Sfortunatament mhux kull impjegat huwa lest li jaħdem f’Monte Carmeli. Issib ħafna li jirreżistu li jagħtu s-servizz tagħhom f’Monte Carmeli. Għax ftit jew wisq, għadha teżisti stigma dwar dan il-post, għalkemm f’dawn l-aħħar snin din naqset konsiderevolment.
Jekk wieħed iħares lejn l-età medja ta’ l-infermiera wieħed jinnota li din hija pjuttost għolja. Dan ifisser li l-post mhux jattira infermiera ġodda. Id-Diviżjoni hija konxja minn din il-problema u fil-fatt qabdet lil Martin Ward, espert internazzjonali fil-qasam tal-kura mentali, biex flimkien mad-Direttur tad-dipartiment ta’ l-infermiera, ifasslu strateġija biex jingħeleb dan in-nuqqas fil-qasam tal-kura mentali. Dan irid isir l-aktar permezz ta’ programm ta’ edukazzjoni immirat biex aktar infermiera jaħdmu fil-kura mentali. Ix-xahar id-dieħel 28 infermiera se jibdew degree course fil-kura mentali.
Il-Ministru saħaq li jrid isir sforz ukoll minn kulħadd biex ngħelbu l-istigma li dan il-post għadu jġorr, anki sfortunatament fost l-infermiera. Illum il-kura mentali qegħda tinbidel u dan qiegħed iġib bidla wkoll fix-xogħol ta’ l-impjegati. Sa ftit snin ilu, ir-rwol ta’ l-infermier aktar kien jixbaħ lil dak ta’ gwardjan. Ilum dan qiegħed jinbidel u l-infermier qieghed ikun aktar parteċipi fil-kura. Dan ghandu jagħti aktar sodisfazzjon lill-infermiera.
Huwa qal li minkejja li minn żmien għal żmien jinqalgħu xi problemi bejn il-management u l-ħaddiema dan ma jħassarx il-fatt li t-tnejn li huma jistinkaw biex jaraw li l-pazjent ikollu l-aħjar servizz possibbli. Il-management iħoss li l-maġġoranza ta’ l-impjegat jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira u għalhekk ħa din l-inizjattiva biex juri r-rikonoxximent lejn l-impjegati tal-kontribut li jagħtu.
Il-Ministru filwaqt li rringrazzja lill-infermiera kollha, feraħ lil dawk li kienu qed jiġu ppremjati. Dan bl-ebda mod m’għandu jiġi interpretat li mpjegati oħra ma jagħtux sehemhom.
Għall-ewwel darba fl-isptar Monte Carmeli, tnediet skema biex permezz tagħha jiġu nominati ħaddiema li matul is-sena 2003, qdew dmirhom b’distinzjoni. Twaqqaf bord apposta kompost min-nies nominati mill-Bord tad-Diretturi kif ukoll mit-tliet unions prinċipali li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ta’ l-isptar. Dan il-bord eżamina n-nominazzjonijiet mitfugħa u għażel tlieta li ħass li għandhom jiġu ppremjati.
F’din l-okkażjoni wkoll il-management ippreżenta wkoll ċertifikat lil dawk l-impjegati li matul is-sena 2003 segwew taħriġ f’diversi oqsma. Il-management iqis it-taħrig bħala prijorità.
F’isem il-management, il-Ministru ppreżenta wkoll tifkira bħala rikonoxximent lil dawk l-impjegati li wara snin ta’ ħidma ġewwa Monte Carmeli laħqu l-età ta’ l-irtirar matul is-sena 2003.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en