SEHEM B’SAĦĦTU FIL-PROGRAMMI TA’ L-UE
"Inqumu fuq tagħna u nieħdu l-Ewropa b’assalt. Bl-Ingliż ngħidu: “Let’s be Go-getters". Din hi l-pjattaforma għan-niċċa tagħna fid-dinja. Ma jistax ikollna opportunita’ għall-iżvilupp l-aktar għoli tal-Maltin u l-Għawdxin, aqwa minn postna fl-Ewropa. Iżda din mhix bajtra li ser taqa’ f’ħalqna. Il-fatti diġa’ wrew li individwi u organizzazzjonijiet li xammru u tgħallmu kif iġibu fondi mill-UE, irnexxielhom u diġa’ għamlu isem li l-Maltin huma kapaċi jilgħabu b’ħeffa u b’intelliġenza fil-groundEwropew."
Dan sostnieh l-Onor. Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, fl-eghluq ta’ seminar dwar l-istrateġija li ser jaddotta l-Ministeru biex jieħu sehem pro-attiv fil-ħidma tal-Gvern fi ħdan l-UE. Is-seminar, bis-suġġett "Developing People – a pan-Ministry Approach to EU Commitments", sar fiċ-ċentru Robert Samut, il-Furjana, u ħadu sehem fih l-ogħla uffiċjali tad-Dipartimenti u organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Ministru Louis Galea fisser li Malta għandha post speċjali fl-UE. Hi l-iżgħar pajjiż membru, bla riżorsi naturali, b’ekonomija li għandha bażi wiesgħa fil-qasam tas-servizzi u dejjaq fil-qasam industrijali. Iżda hi l-pajjiż b’poplu li mmeravilja lid-dinja kif kien kapaċi jsir Stat Sovran, b’ħiliet qawwija ta’ intelliġenza u xogħol, u li jinsab fl-aktar post geo-politiku importanti f’nofs il-Mediterran. Louis Galea sostna li f’dan il-kwadru l-edukazzjoni hi l-aktar għodda importanti biex il-Maltin jaħsdu l-frott ta’ l-opportunitajiet kbar li toffri l-UE.
Sal-lum il-mentalita’ tal-Maltin hi ta’ poplu imħaxken fi spazju mill-iċken, iżda b’potenzjal akbar mid-daqs tiegħu. Issa irridu nibdlu din il-mentalita’ u indaħħluha f’rasna li l-ispazju tagħna nfetaħ u li t-territorju tagħna bi dritt sar l-Ewropa kollha. Jeħtieġ nitilqu mill-kumdita’ tal-gaġġa, u naffrontaw l-isfidi tal-kontinent tagħna. L-aqwa ġwienaħ għal dan il-vjaġġ ser inġibuhom bl-edukazzjoni, li hi l-qofol ta’ kull żvilupp ta’ kull Malti u Maltija.
L-UE toħroġ fondi kbar biex tgħin il-popli tagħha jaffaċċjaw dawn l-isfidi. Malta diġa’ gawdiet ħafna mill-Programmi Ewropej u urejna li meta nimpenjaw ruħna nagħmlu suċċess. Issa irridu nżidu l-entużjażmu u l-ħidma biex nisfruttaw sa l-aħħar qatra, kull programm li nistgħu nieħdu sehem fih.
Fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, issa hemm Direttorat għall-Affarijiet Ewropej. Bħal Ministeri oħra, ser ikollna wkoll rappreżentant tekniku fi Brussel, biex jiffoka fuq oqsma ta’ l-edukazzjoni, xjenza, teknoloġija, u politika ta’ xogħol u taħriġ. Hu maħsub li jitwettqu numru ta’ proġetti li ser jiġu finanzjati mill-UE għal 75% u minn Malta għal 25%. Fil-kaz ta’ xi proġetti kapitali, l-finanzjament jinqasam fi 80% għall-UE u 20% għal Malta.
Il-Ministeru ser jaġġorna l-istrutturi tat-taqsima li tieħu ħsieb il-programmi edukattivi ewropej – l-EUPU, biex ikun hemm distinzjoni aktar ċara bejn min jissorvelja u min jimplimenta. B’hekk inkunu nistgħu nassiguraw sehem aktar organizzat u konsistenti fil-programmi Socrates, Leonardo, Youth, l-FP 6 dwar xjenza u riċerka, u l-programm dwar il-Kultura. Filwaqt li l-Gvern ser ikompli jagħmel il-parti tiegħu, huma l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jridu joħolqu l-proposti u l-proġetti biex ikollna l-aħjar riżultati fil-kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra.
Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru s-Sur J.R. Grima, mis-Sur Charles Mizzi - Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u minn Ms. Marlene Bonnici - Direttur Priorities and Programming Co-ordination fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en