PASSI MEHUDA MILL-KUMITAT FESTI NAZZJONALI DWAR IR-REGATTA TA’ JUM IL-VITORJA 2003
Wara l-inċidenti li seħħew fl-aħħar tat-tiġrijiet tradizzjonali tar-Regatta nhar it-8 ta’ Settembru, 2003 il-Kumitat Festi Nazzjonali stħarreg l-istess inċidenti li nqalgħu dakinhar partikolarment dak li ġara fil-bidu ta’ l-10 tiġrija ta’ l-istess edizzjoni tar-Regatta. Il-Kumitat Festi Nazzjonali sema’ l-veduti tal-membri tal-Kummissjoni Regatta, stħarreġ ir-rapport tal-judges li mexxew ir-Regatta, sema x’kellhom xi jgħidu l-qaddiefa tal-klabb tal-Marsa li hadu sehem fl-istess tiġrija u ressaq għall-approvazzjoni r-riżoluzzjoni tiegħu lill-Għaqda Regatta Nazzjonali, li hi formata mill-istess klabbs li jieħdu sehem fir-Regatta. L-istess riżoluzzjoni tal-Kumitat Festi Nazzjonali kienet approvata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar, 2004.
Għaldaqstant il-Kumitat Festi Nazzjonali permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni qiegħed :-
- Jimmulta lill-klabb ta’ Marsamxett is-somma ta’ Lm400 minħabba l-imġieba ħazina tas-supporters tiegħu. Tali somma qed titnaqqas mill-flus li l-istess klabb għandu jieħu mill-Kumitat Festi Nazzjonali bħala premijiet u sussidju ta’ parteċipazzjoni fl-istess edizzjoni tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja.
- Jiskwalifika l-qaddiefa ta’ l-10 tiġrija tal-Klabb tal-Marsa minn kull tiġrija, ma’ kull klabb, fl-ewwel tiġrija li ssir mill-Kumitat Festi Nazzjonali abbinata mal-festa ta’ Jum il-Vitorja. Barra minnhekk dawn l-istess qaddiefa qed jiġu mmultati s-somma ta’ Lm125 kull wieħed, liema somma trid titħallas sal-31 ta’ Marzu, 2004.
Il-Kumitat Festi Nazzjonali issa daħal fl-istadju li jiltaqa’ ma’ l-Għaqda Regatta Nazzjonali biex flimkien isir studju sabiex jiġu msaħħa r-regolamenti tar-Regatta, titjieb l-organizazzjoni tar-Regatta, issir għazla ta’ panel ta’ judges li jgawdu l-appoġġ ta’ kulħadd u jinħatar bord indipendenti ta’ dixxiplina li jkun aċċettat mill-partijiet kollha (jiġifieri mill-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Għaqda Regatta Nazzjonali)
Għal dan il-għan ġa ġie miftiehem li fil-jiem li ġejjin issir laqgħa apposta bejn il-Kummissjoni Regatta, fi ħdan il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Għaqda Regatta Nazzjonali taħt il-presidenza tal-President ta’ l-Għaqda Regatta Nazzjonali bl-aġenda hawn fuq imsemmija.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en