IL-MINISTRU DEGUARA JASSISTI GĦALL-IPPAKJAR TA’ MEDIĊINI GĦAL SRI LANKA
Il-Ministru tas-Saħħa, Anżjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor. Louis Deguara flimkien ma’ l-ogħla awtoritajiet tas-Saħħa żar l-iskola Maria Reġina fejn bosta volontiera, taħt il-gwida ta’ team ta’ tobba u infermiera kienu qegħdin jippakkjaw kwantità kbira ta’ mediċini li l-poplu Malti u ditti lokali kif ukoll id-Diviżjoni tas-Saħħa taw għall-eluf ta’ vittmi taz-‘tsunami’ fl-Ocejan Indjan.
Dawn il-mediċini se jintbagħtu bl-ajru biex jilħqu d-destinazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien possibbli. Dawn se jitwasslu minn ajruplan ta’ l-Air Malta li ser jitlaq nhar il-Gimgħa. Ir-rispons tal-poplu għall-mediċini kien wieħed qawwi ħafna u bosta nies ċemplu lit-team mediku biex jistaqsu x’mediċini kien hemm bżonn u minn fejn jistgħu jinxtraw.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità faħħar il-ġenerożità tal-poplu Malti u l-impenn ta’ numru kbir ta’ voluntiera li ilhom għal dawn l-aħħar jiem jaħdmu bla head, biex dak kollu li nġabar jiġi ppakkjat u ppreparat biex jintbagħat lejn il-postijiet milquta minn din it-traġedja. Il-Ministru Deguara kellu wkoll tifhir għat-tobba u infermiera Maltin, kemm lejn dawk li ħadmu hawn Malta biex saru l-preparamenti, kif ukoll għat-team mediku u paramediku li għażlu li jmorru fis-Sri Lanka biex jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Il-Ministru tas-Saħħa semma li d-Diviżjoni tas-Saħħa dejjem tilgħab parti mportanti meta jkollna diżastri ta’ din ix-xorta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en