KUNĊERT B’APPOĠĠ GĦAL DAWK MILQUTA MIT-TSUNAMI
It-‘tsunami’ li laqat il-pajjiżi li jisporġu fuq l-Oċejan Indjan ħalla s’issa qrib il-150,000 mejta, eluf mitlufa u miljuni bla saqaf fuq rashom. Ġab ħerba li biex tissewwa hu kalkulat li jridu jgħaddu 10 snin. Il-popli ta’ dawn il-pajjiżi jridu l-ewwel għajnuna – ikel, ilma u mediċini.
Il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni wasslu biex il-popli kollha tad-dinja qed ikollhom stampa ċara ta’ dan id-diżastru hekk kbir. Wassal biex mal-erbat irjieħ tad-dinja nħolqot kuxjenza globali favur dawn il-miljuni ta’ nies milquta. Anke f’Malta l-poplu qed juri b’mod konkret is-solidarjeta’ tiegħu favur dawn in-nies sfortunati.
Nhar il-Ħadd li għadda, ittellgħet edizzjoni speċjali ta’ L-Istrina li fiha nġabru nofs miljun lira Maltin. Fl-istess waqt fl-Iskola Maria Reġina fil-Blata l-Bajda u fis-sala tal-Għadd tal-Voti f’Ta’ Qali, nġabru b’kemm jiswew Lm3 miljun ta’ provvisti – ikel, ilma, kutri u ħwejjeġ. Organizazzjonijiet oħra ta’ voluntieri ukoll qed jiġbru biex jiġu mgħejjuna dawn in-nies.
Bl-iskop li jkomplu jinġabru flus għall-popli milquta se jittella’ kunċert fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Jannar 2005 fit-8.00 p.m., u dan bl-iskop li jinġabru iktar fondi b’appoġġ għal dawn in-nies. F’dan il-kunċert se jipparteċipaw fost l-oħrajn: l-Orkestra Nazzjonali, Miriam Gauci, il-Grupp Voices, Ira Losco, Chiara, Ivan Filletti, Scream Daisy, Keith Anthony, Ray – Characters, Winter Moods u Gianni. Sir Cameron Machintosh u ħuħ Robert qed jiktbu kanzunetta għal din l-okkażjoni partikolari.
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret biex tniedi dan il-kunċert kienu preżenti u tkellmu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech u l-Kelliemi Ewlieni ta’ l-Oppożiżżjoni għat-Turiżmu, l-Onor. Evarist Bartolo.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech radd ħajr lill-organizatturi għall-ġest sabiħ tagħhom biex ikunu mgħejjuna daqstant miljuni ta’ nies fil-bżonn.
“Kull għajnuna li tingħata twassal biex innaqqsu t-tbatijiet f’żona li ntlaqtet minn diżastru naturali ta’ proporżjonijiet hekk kbar. Il-poplu Malti diġa wera bil-fatti li meta jiġi mitlub igħin, jagħti kemm jiflaħ u paragun għall-popolazzjoni tagħna, anke aktar minn ħaddieħor. Dan il-kunċert jgħaqqad fih l-aqwa ismijiet mill-qasam ta’ l-ispettaklu f’pajjiżna li qed joffru t-talent tagħhom b’xejn. Dan fih innifsu huwa ġest mill-isbaħ u ta’ l-akbar solidarjetà,” qal il-Ministru Zammit Dimech, li żied jappella biex inkomplu nikkontribwixxu għaliex il-ħtiġiet tal-popli milquta huma kbar ħafna.
Il-‘booking’ għal dan il-kunċert jiftaħ għada l-Ħamis, 6 ta’ Jannar, miċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en