IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO IZUR ĦWIENET LI QED JAGĦMLU S-SALES TA’ JANNAR
Waqt żjarat li s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, għamel f’numru ta’ ħwienet f’diversi lokalitajiet, huwa kkumenta dwar il-bejgħ li sar waqt il-perjodu tal-Milied, kif ukoll dwar is-sales li għadhom kif bdew.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tenna li b'mod ġenerali, il-bejgħ fi żmien il-Milied kien tajjeb u dan kien imxerred fuq xiri ta' għażla ta' prodotti, kif ukoll f’lokalitajiet differenti. Issa waqt is-sales ta' wara l-Milied qed jidher ukoll li l-konsumatur ukoll ħareġ biex jixtri, u l-infieq qed ikun wieħed tajjeb. Il-ħwienet qegħdin jaħdmu biex ikomplu mal-bejgħ li kellhom tul il-Milied, u huma ħafna dawk il-konsumaturi li ta’ kull sena, jistennew bil-ħerqa dan il-perijodu biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn numru ta’ offerti u roħs li jkun hemm f’dawn iż-żminijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fakkar ukoll fl-obbligi u d-drittijiet kemm tan-negozjanti kif ukoll tal-konsumaturi. L-Onor. Vassallo qal li “dan iż-żmien tas-sena jagħti opportunita` lin-negozjanti biex itejjeb il-bejgħ tiegħu u jagħmel ukoll spazju għal ‘stock’ ġdid li jkun dieħel. Iżda huwa importanti li n-negozjanti ma jużawx is-sales biex jiżbarazzaw il-ħanut billi joħorġu prodotti li jixtiequ jeħilsu minnhom. In-negozjanti jridu jużaw is-sales biex ikomplu jkabbru l-kummerċ.”
L-Onor. Vassallo fakkar li “fit-Trade Descriptions Act, hemm miktub ċar li l-prodotti li jinbiegħu fis-‘sales’ iridu jkunu prodotti li fis-sitt xhur ta’ qabel ma jibdew is-‘sales’, kellhom prezz fiss għal mill-anqas 28 ġurnata. Ir-roħs li jsir irid isir fuq dak il-prezz. Dan ifisser li wieħed ma jistax joħroġ prodotti ġodda u jipprova jbiegħhom mill-ewwel bir-roħs.”
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo tkellem ukoll fuq ir-‘refunds’ fi żmien is-‘sales’. “Jekk isirux jew le ‘refunds’ matul is-‘sales’, hija deċiżjoni li tittiehed minn kull negozjant individwali. Fejn xi bejjiegħa jiktbu avviż li jkun jaqra’ “no refunds” jew “goods not exchanged during sale”, allura, sakemm il-prodott huwa tajjeb u l-ftehim waqt il-bejgħ ikun sar b'dan il-mod, ix-xerrej m’għandux dritt jitlob flus lura jew jitlob li l-prodott jinbidel. Iżda jekk kemm-il darba l-prodott ikun difettuż, allura minkejja kull ftehim li jkun sar bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, il-konsumatur ikollu dritt li l-prodott jiġi rranġat, jitbiddel jew jieħu flusu lura. Fil-fatt, importanti li kulħadd ikun jaf li kemm id-drittijiet tal-konsumatur, kif ukoll l-obbligi tal-bejjiegħ huma l-istess bħal waqt ix-xiri normali matul is-sena. Dan ifisser li meta l-bejjiegħ ikun qed ibiegħ prodotti damaged jew seconds; u li hu jkun jaf b'dan, huwa għandu d-dmir li javża lill-konsumatur b'dan il-fatt. Jekk konsumatur isib li prodott li jkun xtara kien difettuż u li ħadd ma kien għarrfu dwar dan, allura l-konsumatur bħal dejjem ikollu d-dritt li l-prodott jiġi irranġat, mibdul jew jingħata l-flus lura.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo appella lill-konsumaturi biex joqgħodu attenti għal dak li jkunu qegħdin jixtru biex ma jkunx hemm diżgwid wara x-xiri. L-Onor. Vassallo ħeġġeġ lin-negozjanti biex minkejja l-kompetizzjoni qawwija li teżisti, xorta waħda għandhom id-dmir li jagħtu prodotti ta’ l-ogħla kwalita` lill-konsumaturi tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi awgura li l-perjodu tas-sales ikun wieħed li fih in-negozjanti jkomplu jkattru n-negozju tagħhom u qal li "Din is-sena għadha fil-bidu tagħha, il-kompetizzjoni fis-suq ser tkompli tikber, l-għażla tal-prodotti u n-numru ta' negozji ser ikomplu jikbru u għalhekk l-għażla żgur ser taqa’ fuq min kapaċi jbiegħ, għażla tajba ta' prodotti bi prezz tajjeb. Il-konsumatur ser ikun qed ifittex min ser jaqdieh l-aħjar. Offerti tajbin għall-konsumatur ifissru sfidi akbar għal min qiegħed fin-negozju. Il-Gvern ser ikun kontinwament qed isegwi s-suq u jqabbel ma’ pajjiżi oħra, issa msieħba fl-Unjoni Ewropea, biex jara x'passi jridu jittieħdu biex il-profitabilita’ tkun ukoll garantita f'suq fejn il-kompetizzjoni dejjem qiegħda tikber.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en