Avveniment Planetari ta’ Darba kull 60,000 Sena
pr988
25/08/2003
| Bħalissa | hawn ħafna interess dwar il-pjaneta Mars li qed toqrob viċin ħafna tad-Dinja. F’nofs din il-ġimgħa, Mars ser tkun daqs 56 miljun kilometru qrib id-Dinja. Skond kalkoli kompjuterizzati, dan l-avveniment seħħ l-aħħar madwar 60,000 sena ilu! Għaldaqstant, Mars ser tkun tidher ikbar u tiddi ħafna aktar mis-soltu, speċjalment permezz ta’ teleskopji li juru dettalji fuq wiċċ il-pjaneta li soltu ma jintlemħux. |
| F’din | l-okkażjoni, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea kien mistieden jinawgura wirja ta’ materjal dwar il-pjaneta Mars imtellgha mill-Istitut għall-Astronomija u Astrofiżika, fil-Kavallier ta’ San Gakbu. Hu qal li l-pjaneta Mars minn dejjem kienet ta’ interess speċjali għall-bniedem fosthom minħabba ix-xebħ li din għandha mad-dinja tagħna kif ukoll minħabba l-possibilta` ta’ xi forma ta’ ħajja li setgħet kienet preżenti fil-passat. |
| Numru | ta’ vetturi spazjali qegħdin fi triqthom lejn Mars bl-iskop li fuq wiċċ il-pjaneta jitpoġġew robots li jkunu jistgħu jistudjaw il-pjaneta u l-ambjent tagħha iktar mill-qrib u jibagħtu informazzjoni lejn il-pjaneta tagħna. |
| L-Istitut | ghall-Astronomija u l-Astrofizika ta’ Malta ħa din l-okkazjoni biex jorganizza wirja, numru ta’ taħdidiet u kif ukoll osservazzjoni ta’ Mars biex il-poplu Malti jkun jista’ japprezza iktar l-interess kif ukoll l-istudju ta’ din il-pjaneta. Il-Ministru Galea qal li l-pjaneta Mars illum tnissel fil-bnedmin, u b’mod partikolari fiż-żgħażagħ, l-istess interess li kien inissel il-qamar ftit aktar minn 30 sena ilu meta l-ewwel persuna mxiet fuqu. |
| Il-Ministru | Louis Galea qal li hemm bżonn li ngħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ Maltin jieħdu aktar interess fis-suġġetti tax-xjenza u t-teknoloġija biex bħala pajjiż ikollna aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Louis Galea qal li l-ġenituri għandhom jgħinu lit-tfal jiżviluppaw l-interess tagħhom fit-teknoloġija, fix-xjenza, fil-fiżika u fil-bioloġija meta jaraw lit-tfal jibdew jinġibdu lejn dawn is-suġġetti. Ħafna nies għandhom l-idea żbaljata li s-suġġetti tax-xjenza u tat-teknoloġija huma aktar diffiċli mill-oħrajn. Hemm min ukoll jaħseb li professjonijiet tradizzjonali huma aktar importanti u bżonnjużi. “Dan mhux bilfors jirrifletti r-realta`” qal il-Ministru. Hu tenna li pajjiżna qed jistabbilixxi ruħu sew fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informatika għax il-Gvern għandu viżjoni fit-tul u qed jinvesti bil-qawwi fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura. |
| Il-Gvern | qed jieħu ħsieb ukoll li jtejjeb il-qagħda ta’ Malta fil-qasam tax-xjenza, tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni. Louis Galea qal li dan l-aħħar il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija beda jaħdem fuq diversi inizjattivi bħalma hi dik ta’ ‘Forsight’ biex jiġu żviluppati niċeċ ġodda ta’ żvilupp fil-pajjiż. L-aħħar proġett pilota li fuqu qed jaħdem il-Kunsill hu dak tal-bioteknoloġija, qasam li jista’ jiżviluppa sew f’pajjiżna. |
| Louis | Galea ħeġġeġ liż-żgħażagħ b’mod partikolari kif ukoll lit-tfal u lill-ġenituri tagħhom biex jżuru l-wirja fiċ-Ċentru għall-Kreattivita` u jipparteċipaw fl-attivitajiet li qed jorganizza l-Istitut għall-Astronomija u Astrofiżika fil-jiem li ġejjin, u b’hekk ikabbru l-għarfien dwar din il-pjaneta u s-suġġett b’mod aktar wiesa’. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en