Programm dwar il-Ħarsien ta’ l-Annimali Biex Jitrawmu l-Valuri fit-Tfal
pr942
01/08/2003
| Il-Ministru | ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea bħalissa qiegħed iħejji sensiela ta’ rapporti dwar programm ta’ riformi f’diversi setturi tas-sistema edukattiva f’pajjiżna. Dawn ir-rapporti ser iservu bħala bażi għal proċess ta’ diskussjoni u djalogu ma’ l-edukaturi, il-ġenituri, l-istudenti u dawk kollha li għandhom interess fit-titjib u l-kwalita’ tal-prodott edukattiv Malti. Fost l-oqsma li qed jiġu analizzati b’mod kritiku hemm: is-sistema u t-tmexxija tal-proċess edukattiv bejn it-3 u s-16-il sena; l-organizzazzjoni ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji b’enfasi speċjali fuq l-iskejjel sekondarji ġenerali; strateġija nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja; it-tmexxija ta’ l-Univerita’; u s-sistema tal-MATSEC u s-SEC. Fit-tifsil tar-rapporti qed jieħdu sehem attiv id-diretturi ta’ l-edukazzjoni, il-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita’, u diversi esperti Maltin. Il-Ministru Louis Galea ħabbar dan waqt żjara li għamel fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn meta iltaqa’ ma’ tfal u għalliema li qed jieħdu sehem fi Skolasajf 2003. |
| Madwar | 4,000 tifel u tifla mill-iskejjel statali, tal-Knisja u indipendenti qegħdin jipparteċipaw fi Skolasajf. Hemm madwar 330 studenti Universitarji u madwar 130 kapijiet/assistenti kapijiet/għalliema bħala ko-ordinaturi fl-iskejjel. Kważi l-iskejjel primarji kollha u ħames skejjel speċjali qed jipparteċipaw fl-iSkolasajf ħlief fejn qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Hemm ukoll 18-il skola fejn qed isir il-programm Klabb Sajf. |
| Waqt | iż-żjara tiegħu il-Ministru Louis Galea seta’ jsegwi attivita’ fil-jum iddedikat lill-Ħarsien ta’ l-Annimali. Bħala parti mill-attivitajiet ta’ Skolasajf, l-ewwel Ġimgħa ta’Awissu hu l-jum ddedikat lill-Ħarsien ta’ l-Annimali. F’din il-ġurnata isiru diversi attivitajiet biex titqajjem kuxjenza favur l-annimali kif ukoll biex l-istudenti jiġu nkoraġġati biex iħobbu, jirispettaw u jerfgħu r-responsabbilta’ ta’ l-annimali domestiċi tagħhom. |
| Il-Ministru | qal li l-proġett tal-Ħarsien ta’ l-Annimali hu wieħed mill-metodi kif inwasslu b’mod informali l-valuri lill-istudenti tagħna. It-tema li ntgħażlet għal Skolasajf din is-sena, ‘Lejn Valuri b’Impenn’, torbot ma’ dawn l-iskopijiet. Permezz ta’ dawn il-programmi nkunu qed inwasslu l-valuri tar-rispett u r-responsabbilta’, f’dan il-każ, lejn l-annimali. |
| Iċ-Ċentri | kollha ta’ Skolasajf f’Malta u Għawdex, organizzaw attivitajiet marbutin mal-ġurnata tal-ħarsien ta’ l-annimali. Fost l-attivitajiet kien hemm drama, playlets, letteratura, poeżija, kanzunetti, wirjiet, preżentazzjonijiet mill-istudenti dwar l-annimali domestiċi tagħhom, tberik ta’ l-annimali, dikjarazzjonijiet kontra l-moħqrija ta’ l-annimali u għajnuna lil diversi entijiet favur l-annimali u oħrajn. |
| Din | is-sena wkoll sar programm speċjali mmirat lejn il-ħarsien ta’ l-annimali mmexxi mill-S.P.C.A. L-S.P.C.A. qed tagħmel żjajjar f’diversi Ċentri ta’ Skolasajf fejn qed jitwettaq programm ta’ tlett ijiem li jwassal messaġġ permezz ta’ sessjonijiet prattiċi, interattivi u edukattivi mat-tfal. |
| Il-Ministru | żar ukoll sessjoni tal-Klabb Sajf programm speċjalizzat fi ħdan l-iSkolasajf għal dawk l-istudenti li waqt is-sena skolastika jingħataw l-edukazzjoni supplimentari. Għal dawn l-istudenti il-Ministru Louis Galea irċieva sponsorship ta’ materjal edukattiv mill-HSBC Cares for Children Fund. Il-Ministru irċieva wkoll donazzjoni ta’ apparat sportiv u materjal edukattiv minn Paolo BonniciLtd. li hi ditta li tirrappreżenta l-Weetabix hawn Malta. |
| Il-Ministru | Louis Galea f’diskors li għamel qal li hu mportanti ferm li t-tfal tagħna jikbru f’ambjenti li jħaddnu l-valuri. Il-Ministru qal li tradizzjonalment kienet il-familja li kienet tkun l-unika sors minn fejn it-tfal jitgħallmu x’inhuma l-valuri. Il-Kurrikulu Nazzjonali għamel emfasi fuq il-bżonn li l-edukazzjoni tkun waħda ħolistika li ma tiffukax biss fuq l-edukazzjoni akkademika biss. Il-Ministru qal li l-għożża ta’ l-annimali turi kemm pajjiż hu żviluppat u edukat filwaqt li l-moħqrija ta’ l-annimali turi nuqqas ta’ rispett lejn il-valur tal-ħajja. Hu qal li Malta hi mistennija li ssir firmatarja tal-konvenzjonijiet kollha tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-ħarsien ta’ l-annimali. Iżda l-edukazzjoni hi l-aqwa mezz biex il-moħqrija ta’ l-annimali tiġi kkontrollata u eliminata. |
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en