Left arrow Mur Lura

JIĠU PPUBBLIKATI L-EMENDI GĦAR-REGOLAMENTI DWAR IL-KAĊĊA U L-INSIB

PR91
Date Icon 24/01/2003


Illum fil-Gazzetta tal-Gvern ġew pubblikati l-emendi għar-regolamenti dwar il-kaċċa u l-insib. L-emendi prinċipali għal dawn ir-regolamenti huma kif ġej: 

Kumitat Ornis

Għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż, se jkollna kumitat b’rappreżentanti ta’ għaqdiet ta’ kaċċaturi u nassaba, u għaqdiet li jaħdmu għall-protezzjoni ta’ l-għasafar biex, FLIMKIEN, fost funzjonijiet oħra:

  1. jiddeċiedu l-policies u l-kundizzjonijiet għal liċenzji ġodda għall-kaċċa u l-insib;
  2. ifasslu policies għall-infurzar tal-liġi tal-kaċċa u l-insib;

Insib

L-istaġun ta’ l-insib se jkun kif ġej:

  • bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar għal 4 speċi ta’ għasafar - gamiema (turtle dove), summiena (quail), pluviera (golden plover) u malvizz (song thrush);
  • bejn il-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ Mejju għal 2 speċi - gamiema (turtle dove) u summiena (quail);
  • bejn l-1 t’Ottubru u l-10 t’April għal 7 għasafar ta’ l-għana li hemm illum. Dawn huma sponsun (chaffinch), apparell (serin), verdun (greenfinch), gardell (goldfinch), ekru (siskin), ġojjin (linnet) u taż-Żebbuġ (hawfinch).

B’dan li qed ikun propost se jkun possibbli li wieħed jonsob fi Frar għall-għasafar ta’ l-għana meta bħalissa ma jistax isir insib.

Kaċċa fuq l-art

  • L-istaġun baqa’ l-istess
  • L-għasafar li tista’ ssir kaċċa fuqhom huma:
    • Rebbiegħa: 2 speċi (gamiem u summien) ghax f’dan iz-zmien dawn huma l-għasafar li jpassu
    • Ħarifa: 32 speċi li huma l-istess 32 speċi li hemm illum

Kaċċa fuq il-baħar (’il barra minn 3km mill-kosta)

  • L-istaġun baqa’ l-istess
  • Qed tiddaħħal il-miżura li d-dgħajsa ma tistax tinsaq b’veloċità ta’ iktar minn 18km fis-siegħa
  • Qed jiżdied għasfur, is-Serra (red-breasted merganser), li tista’ ssir kaċċa għalih. Dan l-għasfur bħalissa qiegħed imniżżel biss fil-lista ta’ għasafar li jkunu kkaċċjati fuq l-art, meta fil-fatt ikun ikkaċċjat fuq il-baħar.

Liċenzji ġodda għall-insib wara l-31 ta’ Lulju 2002

  • Kull min kien reġistrat bħala nassab sa l-aħħar ta’ Lulju 2002, ikollu l-permess għall-insib imġedded.
  • Wara l-31 ta’ Lulju, kull min applika jew se japplika għal liċenzja ġdida għall-insib ma tingħatalux sakemm isir l-istudju mill-Kumitat Ornis dwar l-insib, li jrid jitlesta sa’ l-aħħar ta’ Dicembru 2007.

Carnet de Chasse

Il-carnet de chasse (li huwa wkoll il-permess u li diġà jintuża llum) huwa d-dokument li fih in-nassaba u l-kaccaturi jniżżlu d-dettalji ta’ l-għasafar li jkunu qabdu. Il-bidla li se ssir hija li fil-każ tan-nassaba, dawn se jniżżlu wkoll l-inħawi fejn hemm il-mansab tagħhom. Din il-miżura m’hijiex reġistrazzjoni tal-post fejn jinstab il-mansab.

Permess u dokumenti ta’ identifikazzjoni

Kaċċatur jew nassab li ma jkollux il-karta ta’ identità jew permess (i.e. il-carnet de chasse) fuqu waqt li jkun għall-kaċċa jew insib, jingħata ċans ta’ 48 siegħa, minflok 24 siegha kif inhu bħalissa, biex jagħti dawn id-dokumenti lill-Pulizija.

Amnestija fuq Għasafar ibbalzmati

  • Kull min għandu għasafar ibbalzmati se jkollhom żmien sa data li għadha trid tiġi stabbilita biex jirreġistraw applikazzjoni mad-Direttur għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, sabiex jinħariġlu ċertifikat uffiċjali li jelenka l-inventarju ta’ l-għasafar ibbalzmati.
  • Iċ-ċertifikat jinħareġ biss wara li jkunu identifikati l-ispeċi u n-numru ta’ l-għasafar ibbalzmati.
  • Min jirreġistra l-għasafar ibbalzmati sad-data li jippreskrivi l-Ministru, ma tkunx tista’ tittieħed azzjoni kontra tiegħu.

Reati u Pieni

Ir-reati ġew maqsuma fi tnejn: reati serji u reati ohra.

Ir-reati serji ser ikunu:

    • Tikkaċċja sa 3km mill-kosta
    • Tikkaċċja jew tonsob jew tiddisturba xi bejta ta’ l-għasafar, il-ġenituri jew il-frieħ tagħhom
    • Tikkaċċja jew tferi għasfur jew fenek selvaġġ f’santwarju ta’ l-għasafar
    • Ikollok fil-pussess tiegħek xi għasfur jew fenek selvaġġ, ħaj jew mejjet f’santwarju ta’ l-għasafar
    • Ikollok mezzi ta’ kaċċa jew insib f’santwarju ta’ l-għasafar
    • Ksur ta’ regolament li jinvolvi għasfur li għandu protezzjoni speċjali (din il-lista ta’ għasafar trid titħejja mill-Kumitat Ornis).
Il-multa massima għal dawn ir-reati qed tiżdiedminn Lm500 għal Lm1,000 għall-ewwel reat u minn Lm1,000 għal Lm2,000 għat-tieni jew iktar reati. Il-konfiska ta’ l-arma, il-possibiltà tas-sospensjoni tal-liċenzja u l-possibiltà ta’ sentenza ta’ ħabs jibqgħu kif inhuma llum.
Għal reati oħra li mhumiex meqjusa bħala serji:għall-ewwel reat ikun hemm il-multa kif inhi llum (jiġifieri mhux inqas minn Lm50 u mhux iktar minn Lm500) u se titneħħa l-konfiska awtomatika tas-senter. Għat-tieni u iktar reati, il-multa se tkun kif inhi llum (jiġifieri minimu ta’ Lm100 u massimu ta’ Lm1,000). Mal-multa għat-tieni u iktar reati jkun hemm ukoll il-possibiltà tal-konfiska (u mhux konfiska awtomatika kif inhi llum) tas-senter u/jew il-possibiltà ta’ sospensjoni tal-liċenzja jew permess għal mhux inqas minn sena (kif inhi llum).
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

Aktar Stqarrijiet Right arrow