JIĠU PPUBBLIKATI L-EMENDI GĦAR-REGOLAMENTI DWAR IL-KAĊĊA U L-INSIB
Illum fil-Gazzetta tal-Gvern ġew pubblikati l-emendi għar-regolamenti dwar il-kaċċa u l-insib. L-emendi prinċipali għal dawn ir-regolamenti huma kif ġej:
Kumitat Ornis
Għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż, se jkollna kumitat b’rappreżentanti ta’ għaqdiet ta’ kaċċaturi u nassaba, u għaqdiet li jaħdmu għall-protezzjoni ta’ l-għasafar biex, FLIMKIEN, fost funzjonijiet oħra:
- jiddeċiedu l-policies u l-kundizzjonijiet għal liċenzji ġodda għall-kaċċa u l-insib;
- ifasslu policies għall-infurzar tal-liġi tal-kaċċa u l-insib;
Insib
L-istaġun ta’ l-insib se jkun kif ġej:
- bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar għal 4 speċi ta’ għasafar - gamiema (turtle dove), summiena (quail), pluviera (golden plover) u malvizz (song thrush);
- bejn il-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ Mejju għal 2 speċi - gamiema (turtle dove) u summiena (quail);
- bejn l-1 t’Ottubru u l-10 t’April għal 7 għasafar ta’ l-għana li hemm illum. Dawn huma sponsun (chaffinch), apparell (serin), verdun (greenfinch), gardell (goldfinch), ekru (siskin), ġojjin (linnet) u taż-Żebbuġ (hawfinch).
B’dan li qed ikun propost se jkun possibbli li wieħed jonsob fi Frar għall-għasafar ta’ l-għana meta bħalissa ma jistax isir insib.
Kaċċa fuq l-art
- L-istaġun baqa’ l-istess
- L-għasafar li tista’ ssir kaċċa fuqhom huma:
- Rebbiegħa: 2 speċi (gamiem u summien) ghax f’dan iz-zmien dawn huma l-għasafar li jpassu
- Ħarifa: 32 speċi li huma l-istess 32 speċi li hemm illum
Kaċċa fuq il-baħar (’il barra minn 3km mill-kosta)
- L-istaġun baqa’ l-istess
- Qed tiddaħħal il-miżura li d-dgħajsa ma tistax tinsaq b’veloċità ta’ iktar minn 18km fis-siegħa
- Qed jiżdied għasfur, is-Serra (red-breasted merganser), li tista’ ssir kaċċa għalih. Dan l-għasfur bħalissa qiegħed imniżżel biss fil-lista ta’ għasafar li jkunu kkaċċjati fuq l-art, meta fil-fatt ikun ikkaċċjat fuq il-baħar.
Liċenzji ġodda għall-insib wara l-31 ta’ Lulju 2002
- Kull min kien reġistrat bħala nassab sa l-aħħar ta’ Lulju 2002, ikollu l-permess għall-insib imġedded.
- Wara l-31 ta’ Lulju, kull min applika jew se japplika għal liċenzja ġdida għall-insib ma tingħatalux sakemm isir l-istudju mill-Kumitat Ornis dwar l-insib, li jrid jitlesta sa’ l-aħħar ta’ Dicembru 2007.
Carnet de Chasse
Il-carnet de chasse (li huwa wkoll il-permess u li diġà jintuża llum) huwa d-dokument li fih in-nassaba u l-kaccaturi jniżżlu d-dettalji ta’ l-għasafar li jkunu qabdu. Il-bidla li se ssir hija li fil-każ tan-nassaba, dawn se jniżżlu wkoll l-inħawi fejn hemm il-mansab tagħhom. Din il-miżura m’hijiex reġistrazzjoni tal-post fejn jinstab il-mansab.
Permess u dokumenti ta’ identifikazzjoni
Kaċċatur jew nassab li ma jkollux il-karta ta’ identità jew permess (i.e. il-carnet de chasse) fuqu waqt li jkun għall-kaċċa jew insib, jingħata ċans ta’ 48 siegħa, minflok 24 siegha kif inhu bħalissa, biex jagħti dawn id-dokumenti lill-Pulizija.
Amnestija fuq Għasafar ibbalzmati
- Kull min għandu għasafar ibbalzmati se jkollhom żmien sa data li għadha trid tiġi stabbilita biex jirreġistraw applikazzjoni mad-Direttur għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, sabiex jinħariġlu ċertifikat uffiċjali li jelenka l-inventarju ta’ l-għasafar ibbalzmati.
- Iċ-ċertifikat jinħareġ biss wara li jkunu identifikati l-ispeċi u n-numru ta’ l-għasafar ibbalzmati.
- Min jirreġistra l-għasafar ibbalzmati sad-data li jippreskrivi l-Ministru, ma tkunx tista’ tittieħed azzjoni kontra tiegħu.
Reati u Pieni
Ir-reati ġew maqsuma fi tnejn: reati serji u reati ohra.
Ir-reati serji ser ikunu:
- Tikkaċċja sa 3km mill-kosta
- Tikkaċċja jew tonsob jew tiddisturba xi bejta ta’ l-għasafar, il-ġenituri jew il-frieħ tagħhom
- Tikkaċċja jew tferi għasfur jew fenek selvaġġ f’santwarju ta’ l-għasafar
- Ikollok fil-pussess tiegħek xi għasfur jew fenek selvaġġ, ħaj jew mejjet f’santwarju ta’ l-għasafar
- Ikollok mezzi ta’ kaċċa jew insib f’santwarju ta’ l-għasafar
- Ksur ta’ regolament li jinvolvi għasfur li għandu protezzjoni speċjali (din il-lista ta’ għasafar trid titħejja mill-Kumitat Ornis).
| Il-multa massima għal dawn ir-reati qed tiżdied | minn Lm500 għal Lm1,000 għall-ewwel reat u minn Lm1,000 għal Lm2,000 għat-tieni jew iktar reati. Il-konfiska ta’ l-arma, il-possibiltà tas-sospensjoni tal-liċenzja u l-possibiltà ta’ sentenza ta’ ħabs jibqgħu kif inhuma llum. |
| Għal reati oħra li mhumiex meqjusa bħala serji: | għall-ewwel reat ikun hemm il-multa kif inhi llum (jiġifieri mhux inqas minn Lm50 u mhux iktar minn Lm500) u se titneħħa l-konfiska awtomatika tas-senter. Għat-tieni u iktar reati, il-multa se tkun kif inhi llum (jiġifieri minimu ta’ Lm100 u massimu ta’ Lm1,000). Mal-multa għat-tieni u iktar reati jkun hemm ukoll il-possibiltà tal-konfiska (u mhux konfiska awtomatika kif inhi llum) tas-senter u/jew il-possibiltà ta’ sospensjoni tal-liċenzja jew permess għal mhux inqas minn sena (kif inhi llum). |
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931