Left arrow Go Back

ŻVILUPP IMPORTANTI GĦAS-SETTUR TAL-BIEDJA F’MALTA

PR797
Date Icon 30/06/2003

“Din kienet ġimgħa importanti għas-settur agrikolu għaliex matulha intlaħaq qbil mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal riforma fil-Politika Agrikola Komuni, dik li magħrufa bħala l-CAP, u li kienet ilha fis-seħħ għal 45 sena. 

Il-punt kruċjali tar-riforma hu li minn issa ‘l quddiem, is-sussidji mhux ser jibqgħu jiġu bbażati l-aktar fuq l-ammont ta’ produzzjoni mill-bidwi, izda se tibda tingħata aktar għajnuna għal proġetti ta’ żvilupp tal-kampanja, titjib fil-kwalita’ tal-prodotti u l-protezzjoni ta’ l-ambjent rurali”. 

Dan qalu l-Ministru għall-Affarjiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino f’diskors li għamel waqt l-għoti ta’ premijiet lir-rebbieħa tal-wirja tradizzjonali ta’ l-Imnarja li ssir kull sena fil-ġonna tal-Buskett mis-Soċjeta’ Agrarja. 

Il-Ministru Pullicino qal li din hi aħbar tajba għal pajjiż żgħir bħal Malta u għandha sservi ta’ inċentiv għal tisħiħ u titjib fl-iżvilupp rurali tagħna,  issa li qegħdin fuq l-għatba ta’ l-Unjoni Ewropea.  Hu żied jgħid li fil-fażi tan-negozjati l-Gvern Malti nsista li jkollna klawsola ta’ salvagwardja għal ħames snin mid-data ta’ sħubija għas-settur tal-biedja. 

Permezz ta’ din il-klawsola l-Gvern, wara li jressaq il-każ lill-Kummissjoni Ewropea se jkun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni skond il-każ u skond id-diffikulta’ li tista’ tinħoloq għal xi settur jew setturi tal-biedja. 

Il-Ministru George Pullicino qal li l l-Gvern qed jagħti għajnuna finanzjarja biex jagħmel tajjeb għat-tneħħija tal-levies u b’hekk il-bdiewa u raħħala tagħna jibqgħu  kompetittivi. 

Din l-għajnuna ser tilħaq livelli massimi mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u hija l-ewwel ħajt ta’ protezzjoni li qed tingħata lis-settur tal-biedja. It-tieni ħajt ta’ protezzjoni, jekk tinqala’ l-ħtieġa, hija l-klawsola ta’ salvagwardja.   Hu qal li l-Gvern mhux ser joqgħod lura milli jirrikorri għall-klawsola ta’ salvagwardja jekk tinqala’ l-ħtieġa. 

Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru George Pullicino qal li l-Ministeru għandu numru ta’ proġetti li l-biċċa l-kbira huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea jew se jkunu ffinanzjati mill-Protokoll mal-Gvern Taljan. 

Fost dawn hemm it-tisħiħ tal-Pitkalija, il-proġett ta’ studju dwar il-ħamrija msejjaħ MALSIS, il-vitikultura u l-onologija, il-kontroll tal-Mastitis, it-tisħiħ tal-biċċerija, l-iżvilupp rurali kemm qabel u wara s-sħubija fejn l-applikazzjonijiet għall-għajnuna mistennija jinħarġu dan is-sajf.  

Il-Ministru Pullicino qal li l-importaturi ta’ l-ikel, frott u ħxejjex iridu jifhmu li filwaqt l-Gvern irid jagħtihom l-ispazju biex joperaw mingħajr xkiel fil-kummerċ, huma wkoll għandhom responsabbilta’ kbira li ma jkunux ta’ theddida għal biedja tagħna. Hu qal li l-Gvern mhux ser ikun tarka għalihom jekk huma jheddu l-għixien tal-bdiewa u r-raħħala. 

Hu rringrazzja lill-GRTU, li għan-nom ta’ l-importaturi tal-ħxejjex u frott, tat l-assigurazzjoni li  ma tridx tkun ta’ theddida għall-għixien tal-bdiewa u li lesta tgħin f’dan il-perjodu ta’ transizzjoni sabiex tissaħħaħ il-biedja f’pajjiżna, biex din tikkompeti bla xkiel. 

Fl-aħħarnett, il-Ministru Pullicino qal li hu ta’ sodisfazzjon li l-wirja ssir fil-Buskett li hu sit skedat mill-MEPA, u dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jħares u jipproteġi dan is-sit.  Hu qal li l-ġonna għandhom valur ambjentali, edukattiv, storiku, rikreattiv u agrikolu.  Il-Gvern hu impenjat li mhux biss jipproteġi l-post iżda fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda programm ta’ titjib. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow