L-AWTORITA’ TAD-DJAR TASSISTI L-VITTMI TAL-VJOLENZA DOMESTIKA
L-Awtorita’ tad-Djar illum għamlet għotja ta’ Lm 25,000 lil ‘Dar Merbħa Bik’, il-kenn għan-nisa u tfal li jkunu sfaw vittma tal-vjolenza domestika. Dawn il-fondi se jiffinanzjaw tkabbir tad-dar eżistenti u jiżguraw il-privatezza għan-nisa u tfal li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. Dan tħabbar illum waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, u miċ-Chairperson ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, Marisa Micallef Leyson.
Dawn il-fondi tqassmu bħala parti minn inizjattiva li bdiet xi sentejn ilu u tfasslet bil-għan li tassisti NGOs li jipprovdu, jew li bi ħsiebhom jipprovdu servizz ta’ housing. L-Awtorita’ tad-Djar diġa’ għenet lil ‘Dar Merbħa Bik’ permezz ta’ xi appartamenti li għaddiet lid-Dipartiment ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali biex jintużaw minn nisa li jitilqu mid-‘Dar Merbħa Bik’ u jikkwalifikaw għall-akkomodazzjoni soċjali. L-appartamenti jgħinu lil dawn in-nisa u lil uliedhom jibdew ħajja ġdida.
“Din l-għajnuna hija partikolarment bżonnjuża għall-NGOs, speċjalment fil-każ tal-vjolenza domestika u n-natura t’urġenza assoċjata magħha”, qalet Marisa Micallef Leyson. F’dan il-Kenn, ser isir tkabbir biex in-nisa kollha jkollhom il-kamra tas-sodda u l-kamra tal-banju għalihom. Bħalissa kull kamra qiegħda tintuża minn zewġ nisa u t-tfal tagħhom. Minħabba problemi ta’ natura sensittiva ħafna, l-privatezza hija mportanti f’dan il-każ. Madankollu, in-nisa jistgħu jkomplu jkunu ta’ fejda għal xulxin. Iċ-Chairperson ta’ l-Awtorita’ tad-Djar tkellmet ukoll dwar l-għanjiet ta’ l-Awtorita’ u saħqet dwar l-importanza li l-Awtorita’ tgħin lill-NGOs li jkunu qiegħdin joffru servizz ta’housing. L-Awtorita’ diġa għenet lil numru ta’ NGOs b’din l-inizjattiva, fosthom: YMCA, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Fondazzjoni Dar Nazaret, Dar il-Wens u oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Dolores Cristina qalet li dan huwa eżempju ieħor kif b’mod konkret il-Gvern qiegħed jgħin lil vittmi ta’ vjolenza domestika. “Aħna qed nagħmlu minn kollox biex naraw li dawn in-nies jirċievu l-għajnuna kollha b’koordinazjoni sħiħa bejn id-dipartimenti u l-aġenziji tal-gvern u l-NGOs. Din l-inizjattiva ta’ l-Awtorita’ tad-Djar hija pass ieħor f’din id-direzzjoni.”
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en