L-ORKESTRA NAZZJONALI F’RUMA
Fil-21 ta’ Ġunju l-Orkestra Nazzjonali marret Ruma sabiex tinawgura it-tielet edizzjoni tal-festival prestiġjuż Euro Mediterraneo. Is-siparju ta’ din is-sena ser jitla’ bi produzzjoni ta’ l-opera komika f’żewġ atti ta’ Leonard Bernstein Candide. Sitt rappreżentazzjonijiet, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Enrico Castiglione, sejrin jittellgħu bejn it-28 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju u l-Orkestra Nazzjonali ser tkun taħt id-direzzjoni mużikali tad-direttur Amerikan, u d-direttur artistiku ta’ Opera Pacific f’California, John de Main.
Din il-produzzjoni ġdida ta’ Candide, li sejra titella’ fit-Teatru Argentina f’Ruma, ser tiġi rrekordjata mir-RAI sabiex tixxandar aktar ’il quddiem fuq stazzjonijiet internazzjonali bħal BBC, PBS u Fuji TV kif ukoll tinħareġ fuq DVD mill-kumpanija Pan Dream.
Fil-Festival Euro Mediterraneo, li jintemm fit-3 ta’ Awissu, ser jieħdu sehem diversi artisti ta’ fama internazzjonali bħal New York City Ballet, l’Orchestra del Maggio Musicale Fiorentino taħt id-direzzjoni ta’ Zubin Mehta kif ukoll l’Orchestra Filarmonica Arturo Toscanini taħt id-direzzjoni ta’ Lorin Maazel. Il-moħħ wara dan il-festival huwa Enrico Castiglione li ħa ħsieb id-direzzjoni u l-produzzjoni. L-għan tiegħu kien li joħloq festival li fih setgħu jitħalltu l-ingredjenti tal-kulturi, soċjetatijiet u tradizzjonijiet Ewropej u Mediterranji. Kull sena dan il-festival joffri spettaklu ta’ opra, kunċerti ta’ mużika klassika, mużika etnika, żfin, teatru u films.
L-attivita` ta’ dan il-festival tiżvolġi fil-villa ta’ l-Imperatur Adrianu, f’siti arkeoloġiċi Rumani kif ukoll f’teatri moderni, għaldaqstant il-passat, il-present u l-futur jingħaqdu ħaġa waħda f’espressjoni artistika.
Intant, fis-6 ta’ Lulju, l-Orkestra Nazzjonali sejra teżegwixxi kunċert sinfoniku f’Villa Adriana, Tivoli, viċin Ruma. L-orkestra, li ser titmexxa mid-direttur u chairman ta’ l-Orkestra Nazzjonali Michael Laus, ser teżegwixxi s-Serenata Nru. 9 ‘Posthorn’ ta’ Mozart kif ukoll l-ewwel għaxar żifniet Ungeriżi ta’ Johannes Brahms.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en