MR. SPEAKER JILTAQA’ MA’ PERSUNI MIĊ-ĊENTRU TA’ RIŻORSI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITA`
Bħala parti mill-attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea għall-Persuni b’Diżabilita`, grupp ta’ madwar 25 persuna, immexxija mis-Sur Charles Pace, Programme Co-ordinator fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Persuni b’Diżabilita`, u mis-Sur Epifanio Vella, il-bieraħ għamlu żjara ta’ kortesija lill-Onorevoli Anton Tabone, Speaker tal-Kamra tad-Deputati.
Il-laqgħa saret fil-Kamra tal-Kumitati fil-Palazz, il-Belt, u għaliha attendew għadd ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizzi li joffri ċ-Ċentru, kif ukoll ħaddiema ta’ l-istess Ċentru.
Is-Sur Pace u s-Sur Vella spjegaw li ċ-Ċentru ta’ Riżorsi huwa parti miċ-Ċentru Komunita` Kottonera - AĊĊESS, li nfetaħ uffiċjalment f’Novembru 2002. AĊĊESS huwa mmexxi mill-Aġenzija APPOĠĠ u huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ one-stop shop, bil-għan li joffri diversi servizzi lill-komunita` partikolarment tar-reġjun tal-Kottonera.
Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Persuni b’Diżabilita` joffri servizzi ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilita` intellettwali mil-lokalitajiet tal-Kottonera. Fost affarijiet oħra, iċ-Ċentru joffri programmi attivi li jolqtu l-aspetti soċjo-kulturali u edukattivi skond il-bżonnijiet individwali tal-klijenti.
Mr Speaker faħħar l-inizjattiva taċ-Ċentru u l-ħidma speċjalizzata li ssir fuq bażi reġjonali u b’dedikazzjoni minn dawk li joffru s-servizzi għal persuni bi bżonnijiet speċali. Huwa assigura lil dawk preżenti li kull meta tittieħed xi inizjattiva leġislattiva favur persuni bi bżonnijiet speċjali, din ikollha l-appoġġ sħiħ tal-Membri Parlamentari kollha fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra.
Mr Speaker awgura li l-ħidma li qed issir permezz taċ-Ċentru fost il-komunita` tal-Kottonera tinfirex f’partijiet oħra tal-gżejjer Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en