Left arrow Go Back

TISBIĦ FIL-PAJJIŻ PERMEZZ TA’ AKTAR ĠONNA

PR781
Date Icon 25/06/2003

Meta kien qed izur Gnien is-Serenita’ f’Santa Lucija, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li aktar ma jitjieb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti  aktar tikber il-ħtieġa li jkun hemm lokalitajiet fejn il-poplu jqatta’ l-ħin liberu tiegħu. Hu qal li aktar ma jiżdied it-turiżmu  akbar ikun hemm il-bżonn li jkollna spazji fejn min iżurna jkollu fejn jistrieħ. 

Francis Zammit Dimech qal li mill-Indipendenza ’l hawn, diversi Gvernijiet ħadmu biex ikollna aktar ġonna u biex nimmodernizzaw u nkabbru dawk li diġa għandna. Hu semma l-bini ta’ ġonna bħal Ġnien l-Indipendenza, il-Ġnien ta’ l-Imsida u l-ġonna f’Ta’ Qali u r-riabilitazzjoni ta’ ġonna bħal dawk tal-Barrakka ta’ Fuq u tal-Barrakka ta’ Isfel, ta’ Hastings fil-belt Valletta u tar-Re George V fil-Floriana.  

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li bit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali l-ġonna kienu qed jingħataw aktar importanza u l-Gvern kien qed jgħin biex dawn jiġu modernizzati. Il-Ministru Zammit Dimech semma l-kooperazzjoni li kien hemm bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali biex gew irrangati ġonna pubbliċi f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Hu qal li dawn il-ġonna kienu qed jingħataw dehra ġdida bl-iskop li jitgawdew aħjar minn aktar nies. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’Santa Luċija nbena wieħed mill-isbaħ ġonna li hawn fil-pajjiż, proġett li twettaq b’kooperazzjoni sħiħa bejn il-Gvern ta’ Malta u r-Repubblika taċ-Ċina. Hu qal li dan il-ġnien ġie ddisinjat mis-Suzhou Gardens Design Institute taċ-Ċina, li fid-disinn qagħdu attenti għad-dettal u biex ħolqu armonija bejn taqsima u oħra ta’ dan il-ġnien.  Francis Zammit Dimech qal li dan il-ġnien kien jissimbolizza s-serenita’ li wieħed jistenna meta jmur iqatta’ l-ħin liberu tiegħu. Kien jisimbolizza l-ħajja, mit-twelid sal-mewt. Permezz ta’ bidla kontinwa fl-elementi – l-ilma, l-blat, il-passaġġi, l-pjanti, s-siġar – kien jagħti varjeta’ ta’ esperjenzi li jagħtu lok għal mistrieħ u serħan il-moħħ. 

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dan il-proġett kien sinjal ħaj tar-relazzjonijiet mill-aħjar li jeżistu bejn  Malta u r-Repubblika taċ-Ċina, li f’dan il-każ qed jitmexxew ’il quddiem permezz tal-ftehim ta’ ġemmelaġġ li sar bejn il-Kunsill Lokali Santa Luċija u d-distrett Jin Chang ta’ Suzhou. 

Francis Zammit Dimech qal li proġetti bħal dawn kienu ta’ importanza kbira biex ikattru r-relazzjonijiet bejn pajjiżi differenti billi jgħinuna nifhmu aħjar l-kulturi ta’ xulxin. 

Gonna bhal Ġnien is-Serenita’ kienu wkoll ta’ attrazzjoni għat-turisti. Hu faħħar lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu  għall-brochure artistiku li qed tniedi dwar dan il-ġnien u li jagħti spjegazzjoni fid-dettal u s-simboliżmu marbut ma’ kull parti tal-ġnien.  

Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Kunsill Lokali Santa Luċija għall-inizjattiva tagħhom u assigurahom mill-kooperazzjoni tal-Ministeru tat-Turiżmu fi proġetti bħal dak li twettaq fi Ġnien is-Serenita’.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow