TAĦRIĠ BIEX IT-TFAL IKUNU MĦARSA MILL-ABBUŻ FUQ L-INTERNET
“Il-ħarsien tat-tfal minn kull tip ta’ abbuż minn fuq l-Internet hija prijorita` essenzjali ta’ dan il-Gvern. Kien għalhekk li waqqafna task force biex tanalizza u tirrakkomanda l-pjan ta’ ħidma li għandu jsir biex nilħqu l-għan tagħna, dak li noħolqu ambjent san għall-uliedna anke fuq l-internet.” Dan qalu l-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment, l-Onor. Dr. Austin Gatt, meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ġie ffirmat ftehim ta’ sħubija ma’ Childnet International.
Il-Ministru Austin Gatt qal li “fl-istrateġija u l-ħidma li qed inwettqu irridu li t-tfal ikunu mħarsa minn kull perikli u kull riskju t’abbuż.” Bħal f’kull aspett ieħor tal-ħajja, it-teknoloġiji l-ġodda (inkluż l-Internet) joffru opportunitajiet t’edukazzjoni u maturità lil uliedna u joffrulhom ukoll riskju ta’ abbuż li jrid ikun miġġieled u eliminat. Għall-Gvern hi prijorità li ma jħallix ir-riskji li jistgħu jintelgħbu, iċajpru jew itellfu l-opportunitajiet li joffru ’l uliedna t-teknoloġiji l-ġodda.
Għalhekk, il-Gvern ser jipprovdi tagħlim speċjaliżżat lil numru ta’ għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji. Dr. Gatt spjega li b’riżultat ta’ dan it-tagħlim lill-għalliema Maltin, l-istudenti ser jiġu mgħarfa kif għandhom iġibu rwieħhom meta jużaw l-Internet, biex filwaqt li jkomplu jużaw dan il-mezz ta’ komunikazzjoni, jżommu ’l bogħod mill-perikli li jeżistu anke fid-dinja virtwali.
Childnet ser jipprovdu l-istess taħriġ lil numru ta’ counsellors fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. It-tagħlim fuq dan it-tip ta’ abbuż ser jiġi ntegrat fi programmi preventivi li diġà jeżistu fl-iskejjel primarji u sekondarji. Għalhekk it-tfal u l-ġenituri filwaqt li jiġu inkoraġġiti biex jużaw it-teknoloġija ta’ l-Internet, ser jiġu mgħarfa wkoll bl-abbużi li jeżistu fuq dan il-mezz ta’ informazzjoni kif ukoll jitħarrġu kif għandhom jżommu ’l bogħod minn kull periklu. Organizzazzjonijiet oħrajn li ser igawdu mis-servizzi taċ-Childnet huma l-Aġenzija Appoġġ u l-Korp tal-Pulizija.
Il-ftehim bejn iċ-Childnet u l-Ministeru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment jinkludi wkoll liċenzja għall-użu ta’ materjal edukattiv biex jgħin f’dan it-taħriġ. Dan ifisser li l-entitajiet Maltin jistgħu mbagħad jużaw fuljetti u materjal ieħor li diġà ġie provdut barra minn Malta lill-udjenza ta’ età żgħira u lil nies adulti.
Iċ-Childnet ser ukoll tagħti konsulenza fuq l-aħjar metodi ta’ kif għandha tinxtered l-informazzjoni fuq dan is-suġġett, fosthom ser tagħti pariri fuq il-ħolqien ta’ portal fejn fih titpoġġa informazzjoni speċifika fuq dan is-suġġett. L-istess sit ser iservi wkoll bħala repożitorju ta’ diversi siti oħra simili mxerrda madwar id-dinja.
Il-ftehim maċ-Childnet sar bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport li għamlet it-task force li waqqaf aktar kmieni l-Gvern biex tagħti pariri dwar il-prevenzjoni ta’ l-abbuż mit-tfal fuq l-Internet. Dan ir-rapport irrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ diversi inizjattivi strutturali, legali u edukattivi.
Il-Ministru Austin Gatt kompla jishaq li l-Gvern jemmen li l-aktar mod effettiv ta’ kif għandu jiġi miġġieled dan it-tip ta’ abbuż huwa permezz ta’ l-edukazzjoni tat-tfal u tal-ġenituri tagħhom.
Ir-rata ta’ l-aċċess għall-Internet fost it-tfal Maltin qiegħda dejjem tikber. Grazzi għal investiment qawwi mill-Gvern fl-iskejjel primarji kif ukoll sekondarji, uliedna qed jitgħallmu s-suġġetti relatati mal-kompjuter u l-Internet sa’ minn età żgħira.
Għalkemm l-aċċess għall-Internet fl-iskejjel tagħna huwa kollu ‘filtered’, jiġifieri t-tfal għandhom aċċess biss għal numru ta’ siti limitati, hemm diversi postijiet oħra fejn it-tfal għandhom aċċess għall-Internet mingħajr ebda kontroll. Għalhekk il-Gvern ħass il-bżonn li jieħu miżuri pro-attivi biex filwaqt li jkompli jħeġġeġ liċ-ċitaddini kollha jagħmlu użu mill-Internet, ma jaqawx vittmi ta’ min irid juża din it-teknoloġija biex jagħmel atti kriminali.
Dr. Gatt ghalaq id-diskors tieghu billi sahaq li l-politika tal-Gvern fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u t-tfal hija ambizzjuża ħafna. Irridu li sa minn età żgħira t-tfal ikunu f’pożizzjoni li jgawdu mill-opportunitajiet kollha li toffri din it-tip ta’ teknoloġija. L-Internet toffri opportunitajiet kbar fil-qasam edukattiv kif ukoll fil-qasam tad-divertiment. “B’din l-inizjattiva, il-Gvern irid jiggarantixxi aċċess għall-Internet f’ambjent safi u mingħajr perikli biex b’hekk jipproteġi lit-tfal għall-ġid tagħhom u tas-soċjetà kollha.” temm Dr. Gatt.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en