IL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-KULTURA F'GĦAJNUNA BIEX JITTELLA' L-ELTON JOHN SHOW
Il-Gvern minn dejjem kien minn ta' quddiem biex jgħin lil kull min jieħu l-inizjattiva biex iġib kantanti ta' livell internazzjonali f’Malta.
Meta kien qed jitkellem waqt konferenza ta` l-aħbarijiet dwar il-preparamenti li qed isiru għall-kunċert mużikali li l-kantant popolari Elton John ser jagħmel fuq il-Fosos fis-6 ta' Lulju, il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura, Jesmond Mugliett qal li fil-passat il-Gvern biss kien jieħu inizjattivi ta' skala daqshekk kbira.
Hu fakkar li anke għall-Gvern, ma kienitx tkun intrapriża faċli minħabba r-riskju finanzjarju kbir li jkollok tieħu biex iġġib artisti bħal Tina Turner u Joe Cocker f’pajjiżna. Huwa żied jgħid li anke l-mod kif il-Gvern imexxi l-flus tiegħu kien intopp. U dan minbarra li ridt talloka grupp ta' nies li xogħolhom ikun biss li jaħdmu fuq dan il-kunċert.
Il-Ministru Mugliett qal li għalhekk huwa tassew inkoraġġanti li llum hawn min qed jieħu inizjattivi bħal dawn għal rasu. Hu tenna li għalkemm il-Gvern ta għajnuna konsiderevoli f'kunċerti iżgħar fil-passat, dan l-ispettaklu minn Elton John kien l-ewwel wieħed ta' kalibru daqshekk għoli.
Il-Perit Jesmond Mugliett żied li minbarra li ddikjara dan l-avveniment bħala wieħed kulturali biex b'hekk il-kunċert ingħata l-importanza li jixraqlu, il-Ministeru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura qed jagħti wkoll għajnuna tanġibbli. Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qed jipprovdi l-istand li tintuża għall-Karnival. Din ser takkomoda madwar 1,500 spettatur waqt il-kunċert. Qed jiġu pprovduti wkoll madwar 900 siġġu mill-Mediterranean Conference Centre biex jintużaw għall-VIP area.
Il-Ministru Mugliett temm jgħid li dan kollu huwa investiment dirett f'attivita` li ser tħalli l-frott. Hu qal li permezz ta' din l-inizjattiva pajjiżna ser jakkwista l-kapaċita` li jorganizza avvenimenti bħal dawn filwaqt illi tikber ir-reputazzjoni ta' Malta bħala lok fejn jistgħu jiġu organizzati kunċerti mużikali kbar.
Intant, tul l-istess konferenza, kien żvelat li l-bejgħ tal-biljetti miexi ġmielu u fadal biss mal-5,000 biljett x'jinbiegħu.
Wieħed mill-organizzaturi, Gianni Zammit, qal li minbarra Ira Losco flimkien mal-band tagħha, qabel il-kunċert ser idoqqu wkoll il-bands Maltin Corkskrew u Winter Moods.
Intant, organizzatur ieħor, Nigel Camilleri, tkellem dwar l-għażla tal-Fosos biex isir il-kunċert ta' Elton John. Hu qal li l-post intgħażel mill-promoters tal-kantant Ingliż u kien l-uniku post li sabu li kien addattat għall-kunċert.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en