INIZJATTIVI ĠODDA FI ĦDAN IS-SERVIZZ INFORMAZZJONI TAL-GVERN
Id-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni jixtieq javża li l-Freephone 153 issa jista’ jinqabad ukoll permezz tat-telefon ċellulari, kemm mill-abbonati tal-Vodafone kif ukoll minn dawk tal-Go Mobile. Barra minn hekk, wara l-ħinijiet tax-xogħol, min ikollu bżonn jitlob xi informazzjoni, jista’ jħalli messaġġ li jiġi rrekordjat, fejn jistaqsi għat-tagħrif li jkun jinħtieġ. Imbagħad, fl-ewwel ġurnata tax-xogħol li jkun imiss bejn it-8.00am u l-5.00pm, membru ta’ l-istaff iċempel lura lil min ikun ħalla l-messaġġ, u tingħatalu l-informazzjoni li tkun intalbet.
Mezz ieħor kif tintalab informazzjoni huwa dak li wieħed jibgħat e-mail lil info@gov.mt. Id-Dipartiment qed jikkommetti ruħu li jibgħat risposta bl-e-mail fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta ssir it-talba. Meta t-talba ma tkunx tista’ tiġi ttrattata mis-Servizz Informazzjoni tal-Gvern, din tiġi awtomatikament referita lill-awtorità konċernata, minn fejn imbagħad toħrog ir-risposta finali.
Kull min għandu aċċess għall-e-mail jista' jabbona' biex jirċievi direttament fl-e-mail account tiegħu, permezz tad-Direct Mailing Services regolarment b’xejn, avviżi dwar Opportunitajiet ta’ Impjiegi mal-Gvern, Tenders u Scholarships. Wieħed jista’ jabbona f’dan is-servizz billi sempliċiment jimla l-formola li tidher fuq il-website tad-DOI. Id-Dipartiment qed jintrabat li jibda jipprovdi s-servizz mhux aktar tard minn tlett ijiem minn meta timtela l-formola tar-reġistrazzjoni.
Id-Dipartiment qed iwiegħed ukoll li jpoġġi online fuq il-Website tad-DOI www.doi.gov.mt l-istqarrijiet uffiċjali kollha li joħorgu kuljum fl-istess jum li jkunu ġew mgħoddija lill-istampa, kif ukoll avviżi dwar impjiegi mal-Gvern, Tenders u Scholarships dakinhar stess li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Is-Servizz Informazzjoni tal-Gvern jistieden lill-membri tal-pubbliku biex jekk ikollhom bżonn, jiġu personalment fl-Uffiċċju tal-Customer Care, 3, Misraħ Kastilja, Valletta, biex jiksbu informazzjoni jew jiġbru letteratura dwar servizzi u attivitajiet tal-Gvern.
Aktar dettalji dwar dawn il-faċilitajiet li issa ġew jagħmlu parti mis-Servizz Informazzjoni tal-Gvern u li kollha adottaw il-Quality Service Charter, jinsabu fi ktejjeb li għadu kif ġie ppubblikat miċ-Charter Support Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kopji tal-ktejjeb, bil-Malti u bl-Ingliż, jistgħu jinkisbu mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, Valletta u mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali, mill-Librerija Ċentrali u dawk Reġjonali u miċ-Ċentri tas-Saħħa. Min irid jista’ jċempel fuq Freephone 153 jew jibgħat e-mail lil info@gov.mt,u jirċievi kopja bil-posta, id-dar.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en