LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI BEJN IL-MEPA U L-KAMRA TAL-PERITI DWAR IR-REVIŻJONI TAL-POLICY ‘DEVELOPMENT CONTROL – POLICY AND DESIGN GUIDANCE 2000’
“L-impenn tal-Gvern hu li l-proċess ta’ l-ippjanar f’Malta, bħal setturi oħra, jkun suġġett għal proċess kontinwu ta’ tiġdid u tisħiħ. Laqgħat bħal dawn huma parti minn dan il-proċess li jrid jitkompla billi ssir ukoll il-konsultazzjoni pubblika.”
“Kien f’dan l-ispirtu li l-Gvern għamel tibdil fil-liġi ta’ l-ippjanar biex il-pubbliku, is-soċjeta’ ċivili u dawk kollha li jaħdmu fis-settur, ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fil-formulazzjoni u t-tibdil ta’ ‘policies’.”
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret nhar il-Gimgha, bejn il-MEPA u l-Kamra tal-Periti dwar ir-reviżjoni tal-policy ‘Development Control – Policy and Design Guidance 2000’ li kienet daħlet fis-seħħ f’Novembru 2000. Għal-laqgħa kienu wkoll preżenti c-Chairpersons tad-Development Control Commissions (DCC).
Din il-policy kellha l-għan li jkun hemm titjib fil-kwalità ta’ l-iżvilupp urban f’Malta billi jkun hemm żvilupp ta’ kwalità li jkun sostenibbli, li jtejjeb u jipproteġi l-ambjent, li jagħmel użu effiċjenti mill-art u li għandu dehra attraenti li tmur mal-bini l-ieħor ta’ l-inħawi.
Il-Ministru George Pullicino qal li l-Gvern kien wiegħed li kellu jkun hemm monitoraġġ kontinwu ta’ din il-policy sabiex din tkun tista’ tinbidel fejn meħtieġ u dan għall-ġid kemm tal-persuni, kif ukoll ta’ l-ambjent. Il-policy ‘Development Control – Policy and Design Guidance 2000’ kienet issostitwiet policy li kienet ilha fis-seħħ 12-il sena.
L-esperjenza tal-aħħar sentejn u nofs uriet li kien hemm bidliet li kienu pożittivi iżda kien hemm oħrajn li jew kien jinħtieġ jinbidlu għax ma ħadmux, jew kellhom jiġu rfinuti biex jaħdmu aħjar.
Il-Ministru Pullicino irringrazzja lill-Kamra tal-Periti għall-kontribuzzjoni tagħha u s-servizz li qed tagħti u awgura li jkompli jissaħħaħ l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li jeżisti bejn il-Kamra u l-MEPA.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en