ĦIDMA BIEX INSIRU AKTAR KONXJI MILL-WIRT ARTISTIKU U KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
Meta inawgura l-Festival ta’ l-Arti f’Bugibba (Bugibba Arts Festival), il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jinawgura dan il-Festival ta’ l-Arti li qed isir għall-ewwel darba f’Buġibba u li kien se jgħin biex kemm ir-residenti tal-lokal, kif ukoll il-Maltin li jkunu villeġġatura u t-turisti japprezzaw aktar l-arti f’pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li ried ukoll jifraħ lill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar li b’kollaborazzjoni mal-Malta Hotels & Restaurants Association (MHRA) u l-Malta Tourism Authority (MTA) kien qed jorganizza din l-attivita’. Hu qal li kollaborazzjoni bħal din tgħin biex inkomplu noħorġu l-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna u biex insiru aktar konxji minnu aħna u jsiru jafu dwaru l-barranin.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li jemmen li dan il-festival se jsib postu fil-kalendarju ta’ attivitajiet li qed ikunu organizzati kull sena, il-parti l-kbira minnhom mill-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu, u li kienu jinkludu l-Festival ta’ l-Istorja u l-Eleganza tal-Belt Valletta, il-Festival tal-Logħob tan-Nar, il-Festival tal-Jazz u d-diversi enactments li jsiru b’mod regolari.
Francis Zammit Dimech qal li l-inħawi ta’ Buġibba kienu jiġbru fihom konċentrazzjoni qawwija ta’ lukandi, ristoranti u postijiet ta’ divertiment. Hu qal li dawn l-inħawi kienu jattiraw eluf ta’ turisti fis-sena u għalhekk kull ħidma li ssir biex jissebbħu hu ta’ min jinkorraġiha. Hu qal li f’dawn l-inħawi twettqu diversi proġetti ta’ tisbiħ. Hu żied li preżentament kienu qed jissebbħu l-inħawi ta’ Dart il-Gżejjer fejn kien hemm ħajt ikraħ, li twaqqa’, u li issa kien qed jiġi landscaped u qed jingħata dehra mill-isbaħ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ftuħ għall-pubbliku tat-Torri ta’ Wignacourt, li hu mmexxi minn Din l-Art Ħelwa, kien jagħti dimensjoni importanti lil dan il-festival. Hu fakkar li kien il-Gvern preżenti li beda jinvesti bil-kbir fir-restawr ta’ bini storiku permezz tal-Kumitati għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, l-Kottonera u l-Imdina u l-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Hu qal li f’dan is-settur anke l-MTA kienet qed tagħti sehma billi qed tiffinanzja proġetti ta’ restawr bħall- faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Birgu, d-dħul tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt, is-saluting battery fil-Barrakka ta’ Fuq u l-Malta Homefront Museum. Hu qal li proġetti li tlestew b’finanzjament tal-MTA kienu jinkludu il-Funtana ta’ l-Ajkla fil-Ġonna ta’ Sant’Anton u l-Monument Ball fil-Barrakka t’Isfel.
Francis Zammit Dimech qal li proġett ta’ restawr li għadu kif tlesta, u li kien finanzjat mill-MTA, hu Bieb il-Griegi fl-Imdina.
Il-Ministru għat-Turiżmu wera x-xewqa tiegħu li aktar Kunsilli Lokali jorganizzaw festivals bħal dan li qed jinawgura l-lum. Hu qal li pajjiżna hu minjiera ta’ storja u arti li għal ħafna żmien insejnihom. Hu qal li l-qawmien kulturali li kien hemm wara l-akkwist ta’ l-Indipendenza qed jerġa’ jinħass mill-ġdid. Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ta sehmu biex seta’ jkun organizzat dan il-festival u awgura li jkollu attendenza kbira ħalli kulħadd jifhem x’jista’ joffri pajjiżna fl-isferi ta’ l-arti, artiġġjanat, mużika u drama.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en