DISKORS (BENEFITTING FROM FUNDING IN PRACTICE) MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI U L-AFFARIJIET EKONOMICI WAQT “EU ACCESSION - CHALLENGES AND OPPORTUNITIES”, KONFERENZA ORGANIZZATA MINN ERNST AND YOUNG – SAN GILJ
Nixtieq nibda id-diskors tiegħi billi nirreferi għal rapport ta l-Unjoni Ewropeja li huwa intitolat Enlargement: What can Enterprises in the new member states expect? Rapport li jiena persważ jista' jgħin ħafna ntrapriżi Maltin jifhmu aħjar l-ambjent kummerċjali li ser ikunu joperaw fih issa li Malta ser tkun pajjiż membru ġdid fl-Unjoni Ewropea.
Dan id-dokument kien il-bażi ta’ sensiela ta’ laqgħat li kienu organizzati mill-Euro. Information Center li fil-preżent jinsabu fil-METCO u l-Small Business Unit fi ħdan il-Commerce Divison. Ma' dawk li attendew iddiskutejna l-opportunitajiet u l-isfidi ta’ kull settur tan-negozju rispettiv. Huwa minnu li l-opportunitajiet li jeżistu huma ħafna u kbar, iżda huwa minnu wkoll li issa l-isfidi li ser iġġib magħha l-Unjoni Ewropea ser ikunu wkoll parti mill-ħajja ta’ kuljum għal kull negozju.
Dawn il-laqgħat li rreferejt għalihom kienu maħsuba wkoll biex ilaqqgħu diversi uffiċjali ta’ Dipartimenti u Awtoritajiet flimkien ma' l-imprendituri li attendew għal dawn il-laqgħat. In-numru u l-interess li dawk li attendew urew, huwa konferma li issa s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea hija rejalta'. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn u oħrajn, bidla li rridu nagħmlu lkoll hija li rridu naraw lil xulxin imsieħba ta’ ntrapriża waħda li jisimha Malta jekk verament irridu nieħdu l-aktar li nistgħu nieħdu minn din ir-rejalta' l-ġdida li pajjiżna dieħel għaliha. Ma jistax jibqa' jkollna s-service provider sew jekk taħt forma pubblika, jew xi awtorita’ jew entita’ privata li suppost għandha t-terms of reference li tagħti l-informazzjoni, tipprovdi gwidi u assistenza, xi kultant iktar moħħha biex tara kif toħloq l-aktar problemi possibbli lill-imprenditur li jkun qiegħed quddiemha biex jinqeda.
Hawn niġu għad-diskors kollu fuq il-kompetittivita'. Ma nistgħux nitkellmu dwar titjib fl-abbilita' kompetittiva f’pajjiżna kemm-il darba nħallu barra kompletament it-taħriġ ta’ l-imprenditorija fl-oqsma kollha ta’ l-edukazzjoni. Il-bażi tal-kompetittivita' ta’ pajjiżna tiddependi daqs kemm ser inkunu kapaċi jkollna mprendituri u mhux biss traders, daqs kemm ser inkunu kapaċi nipproduċu professjonisti mprenditorjali u daqs kemm ser ikollna servizz pubbliku b’kuxjenza mprenditorjali. Meta naqbdu id f’id u nadottaw mentalita' waħda li tara kif iġġib 'il quddiem l-interessi ta’ min qiegħed fin-negozju nemmen li jista’ jkollna żvilupp innovattiv fl-abilita' kompetittiva ta’ pajjiżna. Mingħajr din l-abilita' kompetittiva ġdida pajjiżna jkun qed sempliċiment jeżisti u mhux jgħix fl-Unjoni Ewropea. Jiena persważ li sħubija fl-Unjoni Ewropea għandha toffrilna l-aħjar opportunita' biex tgħinna lkoll nifhmu li għandna naqbdu id f'id, naħdmu flimkien bħala intrapriża waħda għaliex pajjiżi oħra sħabna hekk ser ikunu qed jagħmlu u jekk nibdew naqgħu lura aħna ser inkunu nafu li m’aħniex nagħmlu progress f’dan il-qasam. Għalhekk irrid inħeġġeġ lil min jinteressah biex jitkellem dwar l-iżvilupp ta' l-abilita' kompetittiva ta’ pajjiżna biex jindirizza wkoll is-suġġett tat-taħriġ fl-imprenditorija f’kull qasam edukattiv u tal-ħajja. Din hija sfida u opportunita' wkoll.
Sfida u opportunita' oħra titratta l-kwistjoni tal-fondi li l-Unjoni Ewropea toffri lil SME'S. Bħala Segretarju Parlamentari li għandi r-responsabbilita politika tas-self employed u n-negozji żgħar fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi, bi pjacir nixtieq inħabbar li l-istrumenti finanzjarji amministrati mill-European Investment Fund fil-Multi Annual Program For Enterprise and Entrepreneurship (2001-2005) ta’ l-Unjoni Ewropeja infetħu għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-aħħar ta Frar ta’ din is-sena. Dan ifisser li fuq applikazzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja Maltija li għad trid tiġi deċiża, li fost oħrajn jistgħu ikunu l-Malta Enterprise jew il-Bank of Valletta, dan il-programm jipprovdi fondi sabiex isiru venture capital funds għall-ħolqien ta’ start-ups u parteċipazzjoni f’intrapriżi b’seed capital, credit-guarantee funds u micro-credits. B’sodisfazzjon ukoll irrid nirrimarka li naħseb li għall-ewwel darba, l-European Investment Fund qegħdha tagħraf l-importanza tan-negozji żgħar fl-ekonomiji tal-pajjiżi membri u applikanti ta’ l-Unjoni Ewropeja u għal dan il-għan ġew imfassla skemi sabiex ikun hemm allokazzjoni ta’ 50,000 euro għal kull fond li jinħoloq sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta ma l-iproċessar ta’ kull applikazzjoni li ssir sa massimu ta’ 200 euro għal kull applikazzjoni u b’hekk l-applikant jinħeles mill-ispiża ta’ l-applikazzjoni. Hawnhekk jiena nara opportunita’ tajba sabiex nutiliżżaw fondi mill-European Investment Fund bħala garanziji fuq self sabiex l-istituzzjoni finanzjarja lokali tkun tista’ ssellef lill-intrapriżi Maltin li jkollhom proġetti vijabbli iżda ma jkollhomx x’jagħmel tajjeb f’assi kapitali. Id-daqs ta’ l-intrapriżi Maltin m’huwiex fattur li jista’ jfixkel u jikkumpara tajjeb ma’ ntrapriżi oħra Ewropej u dawk li ser jissieħbu u nara li l-prospetti huma tajbin.
Hawn jiena persważ li għandna min qed jara din ir-rejalta' bħala bidu ta’ negozju ġdid. Hawn diversi azjendi li ser jispeċjalizzaw f’dan il-qasam u sewwa jagħmlu. Iżda jekk ma jkunux attenti jista' faċilment naslu għal-sitwazzjoni fejn ikollna wħud li ser ikunu qed ibiegħu ħut fil-baħar. Il-fondi huma rejalta', iżda daqshekk ieħor ukoll ghandna nifhmu li dawn mhux ser ikunu eligibbli għal kulħadd. Il-fondi jeżistu, iżda f’ħafna ċirkustanzi l-fondi jintrebħu minn min ser ikun organizzat biex jużahom u mill-esperjenza li kelli dan l-aħħar meta ltqajt ma' delegazzjoni fi Brussels u Luxembourg biex naraw aħjar ir-rejalta' tal-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jiena ħadt l-impressjoni li ħafna mill-proġetti li jintagħżlu ser ikunu mitluba li jkollhom element ta’ nnovazzjoni, taħriġ, manifattura jew value added sostanzjali.
Ippermettuli issa li nkun ftit pessimist. Meta nara kif ġew użati l-fondi ta’ l-IPSE u tal-Business Promotion Act nibda nara iktar il-ħtieġa ta’ kif ikollna organizazzjoni aħjar fl-inqas żmien possibbli. Dan qiegħed ngħidu għaliex meta nikkunsidra li aħna ma konniex kapaċi napplikaw u nibbenefikaw minn fondi lokali ta' l-IPSE u tal-Business Promotion Act, kif ser inkunu nistgħu napplikaw għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Din nifhem li hija sfida li rridu nilqgħu għaliha. Jiena nemmen li jkun żball jekk aħna nbiegħu lill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea daqs li kieku għandna xi take away li lesta li tqassam il-flus bla ma tkun taf fejn sejrin. Jiena nifhem li r-rejalta' ma hijiex hekk.
Kemm-il darba ser naħsbu biss ukoll, kif ser inbiegħu l-issue tal-fondi lill-kbar ta’ pajjiżna u nieqfu hemm, jiena ngħid li mhux ser nirnexxu. Fil-fehma tiegħi bħala pajjiż nirnexxu iżjed kemm-il darba naraw kif nattiraw l-akbar numru ta’ mprendituri anke jekk mis-settur tal-micro business biex dawn ikunu inkoraggiti japplikaw u jużaw dawn il-fondi.
Għalhekk l-impenn ta’ kulħadd għandu jkun biex naraw li ngħinu biex kull negozju jkun organizzat u nwarrbu, ippermettuli nkun daqsxejn goff, id-double accounting fejn negozju fir-rejalta' jkun jiswa u jkollu turnover mod iżda għall-fini tal-kontijiet li jidhru n-negozju nġibuh jidher li jiswa inqas. Min jagħmel hekk ftit li xejn seta jersaq ‘il quddiem għall-fondi ta' l-IPSE, u ‘l quddiem għall-fondi tal-Malta Enterprise, aħseb u ara kemm ser ikollu l-opportunita' li jersaq lejn il-fondi ta' l-Unjoni Ewropea.
Qed naqsam din l-esperjenza magħkom għaliex nemmen li f’dan il-mument irridu niffaċċjaw ir-rejalta' kif dejjem għamilna u naraw bħala pajjiż fejn irridu mmorru u kif ser nieħdu l-iżjed li nistgħu nieħdu minn din ir-rejalta' l-ġdida. Il-ġirja għall-akkwist ta' ċertu fondi ta’ l-Unjoni Ewropea persważ li kif diġa' għedt ser tagħti bidu għal negozju ġdid għal diversi konsulenti, iżda hawn nitlob li jkollna konsulenti li jirregolaw il-ħidma tagħhom ma' kodiċi t’etika. Ma nistgħux ikollna l-objettiv biss li nagħmlu l-flus u nieqfu hemm. Jiena persważ li dawn huma l-ftit iżda f’dan il-pajjiż il-ftit kapaċi iħarbtu ħafna, u dan ma jistax ikun ittollerat. In-negozji tagħna f’pajjiżna diġa' għandhom spejjeż enormi u għalhekk irridu noqogħdu attenti ħafna li ma mmorrux nitilfu l-opportunita' ta’ akkwist ta’ fondi għaliex l-ispiżi tal-konsulenza jkunu għoljin iżżejjed b’mod li jiskorraġixxu lil min ikollu interess japplika.
Dwar kif ser inkunu qegħdin nagħmlu użu mill-fondi strutturali attenzjoni qed tingħata sabiex insaħħu l-abbilità kompetittiva u l-iżvilupp tas-settur produttiv ta’ pajjiżna. L-għajnuna li qed tintalab taħt forma ta’ grants għall-SMEs nista’ ngħid li tista’ tinqasam bejn wieħed u ieħor f’ħames kategoriji. Saret talba għal:
fondi għal titjib infrastrutturali u faċilitajiet ġodda f’żoni ndustrijali li huma fil-preżent taħt ir-responsabbilita ta’ l-MDC.
skemi biex intrapriżi jsaħħu l-kapaċita’ teknoloġika bħal online access u e-business support
skemi biex jinkoraġġixxu u jgħinu ntrapriżi jippenetraw swieq ġodda billi jingħataw support kemm fl-operations kif ukoll fil-marketing tal-prodotti tagħhom u parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali.
skemi sabiex jippromwovu l-innovazzjoni fl-intrapriżi.
skemi li jagħtu appoġġ lill-kummerċ u l-artiġjanat billi tingħata importanza lill-ħwienet u l-workshops fejn jaħdmu l-artiġjani.
Jiena persważ li din id-diskussjoni f’pajjiżna għadha fil-bidu tagħha u għaliex għadha fil-bidu tagħha, jiena nemmen li għandna nitgħallmu mill-esperjenza ta' pajjiżi oħra, nagħmlu bħal ma għamlu huma fit-tajjeb u nwarrbu l-iżbalji. Iżda fuq kollox irridu naraw li jkollna strateġija nazzjonali fejn irridu naslu, li jkollna objettiv komuni dwar f’liema oqsma jeħtieġ li nispeċjalizzaw u jkollna mentalita' waħda dwar kif nistgħu naraw li minn din ir-rejalta' ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, jibbenefikaw l-akbar ammont ta' intrapriżi. B’hekk niġġarantixxu wkoll permezz ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropeja aktar negozji sostenibbli u ambjent kummerċjali kompetittiv mimli opportunitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en