SODISFAZZJON GHAL MOD KIF IMXIET L-10 EDIZZJONI TAL-LOGĦOB GĦALL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR TAL-EWROPA U GĦAR-RIŻULTATI MIKSUBA MILL-ATLETI MALTIN
L-għan ewlieni tal-Gvern sa minn meta ttieħdet id-deċiżjoni li jigu organizzati l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta kien li l-isport jingħata priorita’ ogħla fl-aġenda politika tal-pajjiż.
Il-fażi ta’ preparazzjoni għall-10 Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-pubbliku Malti mill-oqsma kollha tas-soċjeta’ wrew li dan l-iskop intlaħaq.
Il-Gvern kien totalment kommess għal dawn il-logħob u kien impenjat direttament w indirettament f’kull qasam tal-preparazzjoni tagħhom.
Matul il-leġislatura li għaddiet ingħatat għajnuna ikbar, għajnuna li kienet diretta u regolari lil bosta assoċjazzjonijiet sportivi. Barra minhekk, ingħatat ukoll għajnuna ndiretta lil bosta minn dawn l-istess għaqdiet permezz ta’ fondi li ngħataw lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) għal dan il-għan. Minkejja li ffukajna fuq l-għaxar dixxiplini li pparteċipaw, il-Gvern kompla jagħti għajnuna lill-assoċjazzonijiet sportivi l-oħra wkoll.
L-istess KOM ingħata għajnuna diretta u kostanti mill-gvern għall-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. L-ispiża għal dan l-għan kienet tlaħħaq il-Lm100,000. Saru wkoll sforzi kbar min-naħa tal-Gvern biex jiġu żgurati ‘sponsorships’ minn bosta entitajiet għal dawn il-Logħob.
Sar investiment qawwi fil-bini ta’ faċilitajiet ġodda - ewlenin fosthom il-Kumpless Sportiv Reġjonali tal-Kottonera. Sar titjib f’bosta faċilitajiet sportivi oħra li ntużaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, bħal wiċċ ġdid li ngħatat l-athletics track tal-Matthew Micallef St. John Athletics Track fil-Marsa - proġett li sewa’ Lm90,000. Inxtara ukoll tagħmir sportiv ġdid biex jintuża fil-kompetizzjonijiet li saru.
Il-Ministeru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura ma naqasx milli jassisti fil-preparazzjoni loġistika għal dawn il-logħob.
Kien hemm bosta uffiċjali mis-Segretarjat Privat illi mpenjaw ruħhom bis-sħiħ bħala membri tal-Kumitat Organizzattiv. Ħaddiema oħra tal-Ministeru ġew sekondati biex jgħinu fl-organizzazzjoni tal-Logħob.
Filwaqt li offra l-Matthew Micallef St. John Athletics Stadium għar-rehearsals taċ-ċerimonja tal-ftuħ, matul il-Logħob stess, il-Gvern kien direttament responsabbli għas-sigurta’, tindif u crowd control fil-faċilitajiet li ġibdu l-akbar folol. Dawn kienu jinkludu l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u s-Sala Sportiva tal-Universita’ flimkien mal-Matthew Micallef St. John Athletics Stadium u l-Pixxina Nazzjonali.
Kien hemm bosta Ministeri u Dipartimenti oħra li għenu sabiex dawn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar setgħu ikunu suċċess. Fost dawn kien hemm:
· Id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li sellfet 60 kompjuter biex jintużaw mill-atleti u l-organizzaturi filwaqt li ssekondat nies minn tagħha għal mal-KOM
· Il-Korp tal-Pulizija li ħa ħsieb it-traffiku w is-sigurta’ madwar il-postijiet fejn kienu qed jsiru l-Logħob
· Il-Forzi Armati ta’ Malta li offrew faċilitajiet ta’ trasport qabel il-Logħob u għenu fid-dekorazzjoni tal-kumplessi sportivi li ntużaw
· Id-Dipartiment tas-Saħħa li offra servizzi mediċi kull fejn kienu qed isiru l-Logħob kif ukoll offra servizz ta’ stand-by fil-Casualty Department
· Bosta Kunsilli Lokali li pprovdew servizz ta’ gwardjani kull fejn kien hemm attivita konnessa mal-Logħob
· Il-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni li permezz tad-Dipartiment tat-Toroq ħa ħsieb li jingħata t-tarmak fil-car park tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kif ukoll resurfacing tat-Triq li twassal għall-Kumpless Sportiv ta’ San Alwiġi.
· Il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura li naddaf bosta inħawi viċin il-kumplessi li ntużaw għal-Logħob permezz tad-Dipartiment tat-Tindif u Tisbiħ
· Il-Ministeru t’Għawdex li irranġa l-art tal-Kumpless Sportiv t’Għawdex u offra l-użu tal-Kumpless
· Il-Ministeru tal-Finanzi li alloka fondi fil-Budget għal dawn il-Logħob minbarra li offra support permezz ta’ sponsorship mil-Lotterija Super 5
· Il-Konsorzju Sebbaħ Pajjiżek li sebbaħ bosta mill-approach roads, roundabouts u central strips viċin il-venues li intużaw matul il-ġimgħa li għaddiet
· L-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ta cultural leave lil diversi mpjegati tal-Gvern sabiex jgħinu bħala uffiċċjali u voluntiera. Ħa ħsieb ukoll il-protokol għad-diversi persuni distinti li żaru Malta matul dawn il-Logħob
· Il-Kumitat Malti għall-Isport li poġġa għad-dispożizzjoni 3 kumplessi sportivi
· L-Universita ta’ Malta li tat is-sala sportiva biex tintuża għal-Logħob. Offriet ukoll it-track u l-grawnd tal-futbol bħala parkeġġ
· Il-Leader of the House li ma laqqgħax il-Parlament waqt iċ-ċerimonji l-iktar importanti tal-Logħob
· Il-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti li bena spectator stands, u ħa ħsieb bnadar u podia.
Il-mobilitazzjoni totali tal-Gvern kienet determinanti biex dawn il-Logħob setgħu ikunu suċċess u sabiex l-atleti tagħna setgħu jingħataw is-support kollu meħtieġ.
Aħna sodisfatti bir-riżultati miksuba mill-atleti Maltin, mill-coverage estensiv li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ingħataw mill-istazzjonijiet televiżivi barra minn Malta, mill-kummenti pożittivi li ġew mgħoddija dwar il-faċilitajiet sportivi li għandu pajjiżna u anke mill-folol impressjonanti li attendew għall-parti l-kbira tal-avvenimenti.
Sodisfatti wkoll għax wara kollox, dawn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar mexxew l-isport Malti ‘l quddiem. Nemmnu bis-sħiħ li dawn il-Logħob ser iħallu wirt dejjiemi fil-kultura ta’ preparazzjoni, parteċipazzjoni u investiment fl-isport ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en