ĦTIEĠA LI JINHOLOQ L-AMBJENT NECESSARJU BIEX NATTIRAW L-INVESTIMENT LEJN PAJJIZNA
Il-ħtieġa ta’ ko-ordinazzjoni fil-ħidma li ssir fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informatika, kienet enfażizzata mill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u l-Investiment, l-Onor. Dr. Austin Gatt, meta kien qed jindirizza numru ta’ studenti ta’ l-MCAST li pparteċipaw f’kompetizzjoni għad-disinn ta’ Website għall-proġett Socrates. Dan il-proġett huwa iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-proġett Minerva Action.
Austin Gatt qal li “m’għandux ikollna l-lussu li kulħadd joqgħod jaqdef għal rasu. Minflok irridu naħdmu flimkien biex noħolqu l-ambjent neċessarju biex nattiraw l-investiment f’pajjiżna.”
Il-proġett li ħadmu fuqu l-istudenti Maltin juri wkoll il-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-Maltin. Fil-fatt dan il-proġett minbarra li jintuża fl-iskejjel Maltin mistenni jintuża wkoll f’diversi skejjel madwar l-Ewropa.
Dr. Austin Gatt fisser li tul dawn l-aħħar snin il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex jinvesti fir-riżorsi umani. Huwa semma kif il-Gvern ħadem biex jkollna riżorsi umani mħarrġa f’kull livell. Huwa għamel referenza għal fatt li l-istudenti fl-iskejjel sekondarji qed itemmu l-istudju tagħhom bl-ECDL.
Il-ħolqien tal-MCAST kif ukoll id-diversi akkademji speċjalizzati qed iwassal biex jkollna numru ta’ studenti mogħtija taħriġ speċjalizzat. Il-Ministru Gatt kompla li dan l-investiment fir-riżorsi umani qed isir bl-għan li nkomplu nżidu l-vantaġġi u l-potenzjal li għandna bħala pajjiż biex nattiraw kumpaniji barranin li jipproduċu s-software f’Malta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en