Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-MIXEGĦLA TAT-TORĊA - IL-ĦADD, L-1 TA’ ĠUNJU 2003

PR671
Date Icon 01/06/2003

It-tkebbis tal-fjamma Olimpika huwa ritwal li kien isir fi żmien il-Greċja l-antika u li kien jagħti s-sinjal għall-bidu tal-Logħob Olimpiku.  Dan l-avveniment tant kien sagru li l-istati Griegi li kienu jkunu fi stat ta’ gwerra, saħansitra kienu jiftehmu biex jieqaf il-ġlied tul il-ġranet tal-logħob. 

Eluf ta’ snin ilu, il-fjamma Olimpika kienet twassal messaġġ għall-għaqda - l-istess bħalma ser tkun qed tagħmel dalwaqt.  Illum, fi żmien meta d-differenzi fix-xena internazzjonali huma kbar, l-isport, aktar minn qatt qabel, sar mezz li jgħaqqad popli differenti li jgħixu distanzi kbar ’l bogħod minn xulxin.  Dan hu proprju dak li qed niċċelebraw illum - l-għaqda u l-ħbiberija bejn il-pajjiżi ż-żgħar ta’ l-Ewropa; pajjiżi li għandhom bosta karatteristiċi komuni. 

Ninsabu fil-Belt Kapitali l-antika ta’ Malta - l-iMdina - xiehda ħajja tad-diversi kulturi u influwenzi li sawwru l-identità Maltija. 

Hawn, illum ser nagħtu bidu għal avveniment sportiv li ser iġib lejn il-gżira Maltija mijiet ta’ atleti u uffiċjali mit-tmien pajjiżi żgħar Ewropej. 

Huwa tassew tajjeb li żżewweġ l-isport ma’ l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna.  Minkejja ċ-ċokon tagħna, l-isport f’Malta wkoll żviluppa b’mod distint. 

L-istess bħal ma l-Gvern huwa impenjat li jipproteġi l-wirt kulturali ta’ pajjiżna, aħna impenjati li nħarsu u anke nsaħħu l-wirt sportiv tagħna. 

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar qed iservu bħala l-vetrina ta’ l-isport f’Malta u Għawdex.  Mhux qed nuru biss lid-dinja kollha l-livell ta’ eċċellenza li rnexxielna nilħqu fl-iżvilupp tal-faċilitajiet sportivi tagħna, iżda anke l-kapaċitajiet tagħna f’dik li hija organizzazzjoni ta’ avvenimenti kbar bħal dawn.  Jiena żgur li l-isem tajjeb li ser jikseb pajjiżna wara dawn il-logħob ser jiftaħ opportunitajiet ġodda għal Malta, anke f’oqsma innovattivi bħal dak tat-turiżmu sportiv.

Fis-snin li ġejjin, l-istess bħalma għamilna matul is-snin li għaddew, ser inkomplu naħdmu biex insawwru kultura ta’ preparazzjoni, kultura ta’ parteċipazzjoni u kultura ta’ investiment serju fil-qasam sportiv ta’ pajjiżna.  Din kienet ir-riċetta li segwejna waqt il-preparazzjoni għal dawn il-Logħob, u hija l-politika li l-Gvern tiegħi ser ikompli japplika biex jiżgura li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jgawdu mill-benefiċċji li l-parteċipazzjoni f’xi sport jew ieħor iġġib magħha.  Din il-politika diġà qed tissarraf f’riżultati tanġibbli, u nsemmi hawnhekk il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li ġie inawgurat kmieni din is-sena, kif ukoll ix-xogħol li diġà beda fuq il-bini ta’ Kumpless ieħor fil-Karwija. 

Jien konvint li din il-ħidma li saret ser tħalli wirt dejjiemi - partikolarment fil-faċilitajiet sportivi u fil-kultura ta' parteċipazzjoni. 

Naf li dawn il-logħob involvew mijiet jekk mhux eluf ta' nies - l-atleti, l-amministraturi u uffiċjali Maltin u barranin, il-mijiet ta' voluntiera u dawk li ser jieħdu sehem fiċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq.  Dan kollu jagħmel dawn il-Logħob festa ta' sport, kultura u volontarjat. 

J'Alla l-fjamma li ser titkebbes illejla tkun simbolu tal-ħbiberija u impenn - il-valuri essenzjali għal kultura sportiva b'saħħitha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow