JIŻDIED IN-NUMRU TA’ TURISTI LI JŻURUNA AKTAR MINN DARBA
Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tar-Rent-A-Car Association (RACA), l-Għaqda tas-Sidien tal-Karrozzi tal-Kiri, il-Ministru għat-Turiżmu, Francis Zammit Dimech qal li din ma kenitx l-ewwel darba li kien qed jindirizza laqgħa simili għax fl-imgħoddi kien indirizzahom meta it-trasport kien inkluż fid-dekasteru tiegħu.
Francis Zammit Dimech qal li r-RACA tiġbor fiha sidien ta’ karrozzi tal-kiri li kienu qed jagħtu sehem importanti lis-settur turistiku. Hu qal li skond ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, f’Marzu li għadda kien hemm 5,373 karrozza tal-kiri. Hu qal li kien interessanti li mill-1999 ’l hawn ġew liċenzjati 4,054 karrozza ta’ dan it-tip, ċifra li tindika li dawn il-karrozzi jinbidlu b’mod regolari u li għalhekk m’hemmx dubbju li dawn b’mod ġenerali qed jinżammu fi stat tajjeb. Hu qal li minn dawn iċ-ċifri kien jirriżulta wkoll li n-numru ta’ karrozzi tal-kiri kiber minn 4,307 fil-bidu ta’ l-1999 għal 5,373 fl-aħħar ta’ Marzu, żieda ta’ 1,066 jew kważi 25 fil-mija.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li bħal kull organizzazzjoni oħra marbuta mas-settur turistiku, ir-RACA kienet tiddependi għan-negozju tagħha mill-mod kif imur is-settur turistiku. Francis Zammit Dimech qal li wara l-attakki terroristiċi li seħħew fil-11 ta’ Settembru 2001 fuq it-Twin Towers ta’ New York, kien hemm tnaqqis ġenerali fl-ivvjaġġar bl-ajru. Qal illi dan kien irriżulta wkoll f’falliment ta’ numru ta’ linji ta’ l-ajru. Hu qal li dan wassal biex fl-2001 in-numru ta’ turisti madwar id-dinja naqas b’0.6 fil-mija, u d-dħul naqas bi 2.8 fil-mija, l-ewwel sena fejn kien hemm tnaqqis mill-1982.
Francis Zammit Dimech qal li pajjiżna wkoll kien jagħmel parti mid-dinja u li għalhekk ma stajniex ma nintlaqtux mis-sitwazzjoni internazzjonali. Hu qal li fl-2001 waslu Malta 2.9 fil-mija inqas turisti mis-sena ta’ qabel. Fl-istess sena d-dħul mit-turiżmu kien ta’ Lm7.4 miljun, jew 2.8 fil-mija inqas mis-sena ta’ qabel. Biex jirkupra minn din id-daqqa l-Gvern ħa miżuri aggressivi u innovattivi ta’ marketing u promozzjoni. Il-Gvern ta wkoll lill-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu aktar flus biex tkun f’qagħda li tippromwovi lil Malta aktar u aħjar.
Francis Zammit Dimech qal li l-2002 ma bdietx tajjeb, iżda irkuprajna lejn l-aħħar xhur fejn anke ssuperajna n-numru ta’ turisti li żaru Malta fl-aħħar tliet xhur ta’ l-2001. L-2002 kienet sena oħra li fiha naqas in-numru ta’ turisti u d-dħul, iżda mhux daqskemm naqas f’pajjiżi oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li din is-sena ukoll telqet taħt stilla ħażina. Hu qal li wara li faqqgħet il-gwerra fl-Iraq – li ma tantx damet iżda li xorta nħasset fuq is-settur turistiku – id-dinja bdiet tiġi affetwata mill-marda qerrieda tas-SARS li feġġgħet fiċ-Ċina u nfirxet ma’ ħafna pajjiżi oħra. Hu qal li minkejja dan, fl-ewwel erba’ xhur tas-sena żammejna l-istess livell ta’ turisti li kellna s-sena l-oħra, għalkemm iċ-ċifra tal-għadd ta’ turisti li jżuruna mhix biżżejjed.
Francis Zammit Dimech qal li n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien l-istess daqs dak ta’ l-ewwel erba’ xhur tas-sena l-oħra. Hu qal li kien ta’ pjaċir għalih jinnota li bejn Jannar u April kien hemm żieda ta’ 3 fil-mija ta’ turisti mir-Renju Unit fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra, żieda ta’ 19.3 fil-mija mill-Irlanda, ta’ 10.2 fil-mija mill-Ġermanja, ta’ 19 fil-mija mill-Italja, ta’ 10.4 fil-mija minn Franza, 7.6 fil-mija mill-Awstrja, 7.7 fil-mija mill-Olanda, 11.8 fil-mija mill-Belġju, 11.5 fil-mija mill-Isvizzera, 18.6 fil-mija mid-Danimarka, 20 fil-mija minn Norveġja u 18.9 fil-mija mill-Isvezja. B’kollox dawn is-swieq Ewropej żiedu 15,704 turist jew 7.6 fil-mija. Hu qal li żieda oħra ta’ 38.9 fil-mija kienet ta’ turisti li ġew minn pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-istess perjodu tlifna 12,519 turist mill-pajjiżi tal-Mediterran tal-Lvant li naqsu għal 2,500 minn 15,019. Hu qal li dan it-tnaqqis jista’ jiġi attribwit għal tnaqqis ta’ vjaġġi bl-iskeda li ma kinux vijabbli u li kienu jsiru mill-Air Malta. Tlifna wkoll 13.2 fil-mija mit-turisti li jiġu minn pajjiżi oħra li niżlu minn 40,038 għal 34,750.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-aktar erba’ pajjiżi li minnhom jiġu turisti lejn pajjiżna kienu r-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja u Franza. Hu qal li ċifri pubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu juru li fl-2001 dawn il-erba’ pajjiżi sofrew telf mid-dħul mit-turiżmu fuq is-sena ta’ qabel. Hu qal li r-Renju Unit naqqas id-dħul b’16.7 fil-mija, il-Ġermanja b’6.8 fil-mija, l-Italja b’6.2 fil-mija u Franza bi 2.5 fil-mija. Hu qal li m’hemmx dubbju li d-dħul ta’ pajjiż mit-turiżmu hu intrinsikament marbut ma’ kemm jonfqu in-nies tal-lokal fl-ivvjaġġar.
Francis Zammit Dimech qal li issa li resqin lejn it-tieni nofs tas-sena wieħed seta’ jawgura li l-ottimiżmu kawt li hawn fost diversi operaturi fil-qasam turistiku jissarraf f’numru akbar ta’ turisti li jżuru pajjiżna u f’aktar infiq għalkemm għadu kmieni wisq biex nagħmlu previżżjonijiet preċiżi. Francis Zammit Dimech qal li kien inkoraġġit mill-fatt li kumpanniji ta’ l-ajru kienu qed ipoġġu għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżna aktar seats fuq l-ajruplani tagħhom. Hu qal li ried iħabbar li l-British Airways kienet iddeċċidiet li topera titjira extra nhar ta’ Ġimgħa bejn l-4 ta’ Lulju u s-26 ta’ Settembru minħabba żieda fit-traffiku bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-perjodu mhux daqshekk tajjeb li għaddejna minnu f’dawn l-aħħar snin żgur li serva biex naraw flimkien fejn aħna, x’inhuma l-preġji u n-nuqqasijiet tagħna. Hu qal li l-preġji - li żgur ikopru n-niċeċ importanti ta’ pajjiżna fis-settur turistiku - qed inkomplu nikkonsolidawhom filwaqt li nfittxu niċeċ ġodda li jistgħu jagħtuna turiżmu ta’ klassi.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ inkoraġġiment jinnota li qed jiżdied in-numru ta’ dawk it-turisti li jżuruna aktar minn darba. Qal li l-istatistika turi li bejn l-1997 u l-2002
o in-numru ta’ turisti li żaru Malta għat-tieni darba tela’ minn 12 għal 14 fil-mija,
o in-numru ta’ turisti li żaru Malta tlieta jew erba’ darbiet tela’ minn 6 għal 9 fil-mija, filwaqt li
o in-numru ta’ dawk it-turisti li żaruna ħames darbiet jew aktar tela’ minn tnejn għal sebgħa fil-mija.
Francis Zammit Dimech qal li dawn iċ-ċifri għandhom jagħmlulu kuraġġ għaliex meta turist jiġi pajjiżna, u jerġa’ jżurna, dan hu l-akbar u l-isbaħ reklam li jista’ jsirilna.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-appell tiegħu lil kull operatur fis-settur turistiku kien li kulħadd għandu jagħti l-aħjar lil min iżurna. Hu qal li kien jagħmel ħażin min kien jittratta lit-turist bħala persuna li ġiet darba u għalhekk seta’ jisloħ minnha kemm jista’. Lit-turist irridu nħarsu lejh bħala estensjoni tal-popolazzjoni tagħna. Persuna li ġiet fostna u ingħatat servizz tajjeb terġa’ żżurna u tagħmlilna reklam tajjeb għal pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en