INVESTIMENT TA’ LM40,000 FL-ISKOLA PRIMARJA TAN-NADUR
Fl-iskola Primarja Dun Salv Vella fin-Nadur ġiet inawgurata s-sala Dr Joe DeBono mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt ċerimonja li saret dalgħodu, il-Ħamis 29 ta’ Mejju.
Matul dawn l-aħħar xhur kien għaddej xogħol intensiv biex issa l-iskola primarja tan-Nadur għandha sala moderna attrezzata b’apparat kif jixraq biex tikkumplimenta t-tagħlim li jsir fil-klassijiet. Il-Ministeru għal Għawdex investa madwar Lm40,000 biex is-sala ingħatat dehra ġdida permezz ta’ tqegħid ta’ madum, istallazzjoni mill-ġdid ta’ l-elettriku, tibjid tal-ħitan, tqegħid ta’ suffitt ġdid u dekorazzjonijiet oħra permezz ta’ twaħħil ta’ purtieri u dawl dekorattiv. Sar xogħol estensiv fuq il-palk tas-sala fejn l-armar inqala’ kollu u sar mill-ġdid, twaħħlu siparju u cyclorama ġodda kif ukoll stage lighting u P.A. system professjonali. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ipprovdiet 130 siġġu għal din is-sala.
Is-sala Dr Joe DeBono ġiet mogħtija l-isem ta’ riċerkatur u storjografu min-Nadur li għal xi żmien serva wkoll bħala għalliem fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex, iktar tard Surmast ta’ żewġ skejjel f’Għawdex, Education Officer għal Għawdex u Assistent Direttur b’responsabbilta’ għall-iskejjel primarji u speċjali. Dr Joe DeBono ħadem bħala Direttur, bħala eżaminatur tal-Metodoloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta u iktar tard, tal-MATSEC. Serva bħala lecturer fiċ-Ċentru ta’ l-Universita’ f’Għawdex u kemm-il darba rrapreżenta lil Malta f’konferenzi tal-UNESCO barra minn Malta. Huwa ppubblika diversi xogħlijiet ta’ natura storika.
F’din l-istess skola, il-Ministeru għal Għawdex wettaq proġetti oħra infrastrutturali fosthom l-għoti ta’ bjut mal-kuriduri kollha ta’ l-iskola kif ukoll it-tibjid ta’ l-istess kuriduri.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono inawgurat is-Sala Dr Joe DeBono, fil-preżenza ta’ uffiċċjali oħra mill-qasam edukattiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en