IT-TURIŻMU SPORTIV BHALA NIĊĊA OĦRA TAS-SETTUR
Meta kien qed jaghmel zjara fil-Marsa Sports Club, il-Ministru ghat-Turizmu, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, qal li hemm rabta bejn it-turiżmu u l-isport billi hemm it-turiżmu sportiv li jista’ jiġi attirat lejn pajjiżna tul is-sena kollha.
Francis Zammit Dimech qal li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsiru f’Malta x-xahar id-dieħel – u li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hi waħda mill-ħames sponsors ewlenin tagħhom, se jġib lejn pajjiżna mijiet ta’ atleti u uffiċjali minn diversi dixxiplini sportivi. Dawn mhux biss se jagħtu kontribut lejn it-turiżmu, iżda għandhom ikunu wkoll ambaxxaturi ta’ pajjiżna meta jmorru lura f’pajjiżhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena, l-Gvern prezenti bena diversi mpjanti sportivi li barra milli jintużaw mill-atleti u l-isportivi lokali, jattiraw lejn pajjiżna sportivi minn barra, l-aktar f’dawk ix-xhur fejn minhabba t-temp ħażin ma jkunux jistgħu jkomplu bit-taħriġ tagħhom f’pajjiżhom. Il-Gvern bena żewġ padiljuni Sportivi f’Għawdex u fil-Kottonera; u qed jibni t-tielet wieħed fil-Karwija, fl-inħawi ta’ Ħal-Kirkop. Barra minhekk, bena pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq filwaqt li mmodernizza l-faċilitajiet sportivi fil-Marsa bi track għall-atletika u b’impjanti għal diversi dixxiplini oħra.
Francis Zammit Dimech qal li l-privat ukoll bena diversi mpjanti sportivi. Numru ta’ kulleġġi llum għandhom padiljuni sportivi filwaqt li jekk inħarsu madwarna naraw li anke hawn fil-Marsa, twettqu proġetti mportanti mis-settur privat volontarju.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li matul l-aħħar snin, aktar barranin qed jiġu fostna biex jitħarrġu fid-dixxiplini sportivi. Qed jiġu turisti biex jitħarrġu fl-għawm fil-pixxina nazzjonali, minn żmien għal żmien jiġu timijiet tal-football biex jitħarrgu Malta, filwaqt li eluf ta’ barranin jigu biex jissodisfaw l-isport taghhom ta’ l-underwater diving. Hu qal li l-isport ta’ l-għads sar wieħed minn niċeċ ewlenin tat-turiżmu f’pajjiżna u qed jattira madwar 60,000 turist kull sena.
Francis Zammit Dimech qal li settur iehor sportiv li jiġbed ħafna turisti lejn pajjiżna hu dak tal-yachting u l-ibburdjar. Ma’ dan is-settur hemm marbuta regatti fuq skala lokali u skala Mediterranja. Anke dawn jattiraw lejn pajjiżna ħafna barranin.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-Gvern se jkompli jwettaq il-programm tiegħu biex isaħħaħ l-impjanti sportivi fil-pajjiż u biex hekk pajjiżna jiġi reklamat bħala ċentru sportiv ta’ kwalita’.
Francis Zammit Dimech ikkundanna l-att vandalu li seħħ fit-track ta’ l-atletika fil-Marsa. Dawn huma atti li jagħmlu ħsara lill-pajjiż u li jinvolvu lill-Gvern fi spejjeż żejda, flus li jistgħu jintefqu għal skopijiet oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en