Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. DR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA U GVERN LOKALI, WAQT IL-LAQGĦA TAS-SINDKI - SAN PAWL IL-BAĦAR – 18.01.2003

PR64
Date Icon 20/01/2003

Sur President,
Sindki,

Il-futur wasal u qed inħarsu lejh b’fiduċja kbira.

Meta tnax-il sena ilu bdejna nikkonkretizzaw l-inizjattiva tad-demokrazija lokali jien kont Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Tnax-il sena ilu konna rrestawrajna l-istabbiltà fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u raddejna lura l-kalma u l-għixien lill-Maltin. Ftaħna l-bibien għall-opportunitajiet kummerċjali u ħloqna l-ġid.

Karatteristika bażika tal-Gvernijiet immexxijja mill-Partit Nazzjonalista hi t-tisħiħ ta’ l-istrutturi demokratiċi ta’ pajjiżna. Id-demokrazija titkejjel b’kemm istituzzjonijiet differenti jgħassu lil xulxin biex ikunu garantiti d-drittijiet taċ-ċittadini. Sa l-1987 kellna istituzzjonijiet dgħajfa u spiss mhedda. Minn dak inhar saħħaħna l-istituzzjonijiet biex innaqqsu l-poter tal-Gvern u nkattru d-drittijiet taċ-ċittadini:

  • Daħħalna l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala parti integrali mil-liġi Maltija;
  • Tajna d-dritt lil kull Malti li jfittex lill-Gvern fil-Qorti Ewropea;
  • Ħriġna minn qabarha u tajna ħajja ġdida lill-Qorti Kostituzzjonali;
  • Irriformajna l-Pulizija biex qatt aktar ma tkun għodda t’oppressjoni f’idejn il-Gvern;
  • Kissirna l-monopolju ta’ l-istat fuq l-informazzjoni, u lliberalizzajna x-xandir mill-qedem Stalinista ta’ Xandir Malta;
  • Ħloqna d-dritt li l-poplu jimponi fuq il-Gvern Referendum Abrogattiv biex jitneħħew liġijiet li l-poplu ma jaqbilx magħhom;
  • Ftaħna l-bibien ta’ l-Università u ta’ istituzzjonijiet edukattivi ġodda għal kull min irid jistudja biex illum għandna elettorat aktar għaqli u informat;
  • Ħloqna Kummissjoni Permanenti biex tgħin tifga l-marda tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata li konna nbatu minnha;
  • Ftamna d-deċiżjonijiet dwar permessi ta’ bini u żvilupp mill-poter tal-Gvern wara aktar minn deċenju fejn min kien l-aqwa, m’hux biss ħawwel, iżda bena bla kas għall-ambjent;
  • Ħloqna Ombudsman bis-saħħa li jipproteġi liċ-ċittadini minn kull abbuż amministrattiv anke jekk ma jkunx qed strettament jiġri xi ksur tal-liġi;
  • Ħloqna Kumitat immexxi mill-Oppożizzjoni biex jgħasses l-infieq tal-Gvern;
  • Saħħaħna lill-Awditur Ġenerali biex jirrapporta direttament lill-Parlament dwar kif il-Gvern jonfoq flus il-poplu;
  • Ħloqna l-istituzzjonijiet biex inġibu flimkien il-unions, min iħaddem, u lill-Gvern biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun iggvernata bi ftehim bejn kull min hu interessat;
  • Ħloqna garanziji legali biex kulħadd, anke persuni b’diżabilità, jkollhom l-istess opportunitajiet fis-soċjetà tagħna.

Għaxar snin ilu, meta konna qed nieħdu dawn l-inizjattivi, konna għidna, ‘il-bidla tkompli’.

Il-pass li jmiss kien li l-Maltin ikunu aktar ħielsa fl-għażliet tagħhom u ħloqna, għall-ewwel darba, id-dritt tal-Maltin li jagħżlu l-mexxejja tal-bliet u l-irħula tagħhom minn fosthom.

Għaxar snin ilu wessajna d-demokrazija tagħna u tajna sura akbar lill-ħelsien tal-Maltin. Ħloqna l-Kunsilli Lokali u għax emminna fihom bis-sħiħ, is-sena li għaddiet daħħalnihom fil-Kostituzzjoni tagħna biex jibqgħu darba għal dejjem parti ntegrali mill-qafas istituzzjonali ta’ pajjiżna.

U llum, li għamilna dan kollu, ngħidu l-bidla ma tistax tieqaf: illum ukoll il-bidla trid tkompli. Qed nipproponu li l-bidla tkompli billi nsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-parti l-kbira mill-prodotti li jixtru u jbiegħu il-Maltin, jinbiegħu u jinxtraw mill-Ewropa. It-tkattir tal-ġid u x-xogħol għall-Maltin jiddependi fuq il-paċi, l-istabbiltà u x-xogħol fl-Ewropa. Fl-Ewropa kuljum jittieħdu d-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Maltin. U minn issa l-quddiem il-Maltin ser ikollhom vot demokratiku li jinfluenza dawk id-deċiżjonijiet li jolqtuhom. Iżda m’hix ekonomika r-raġuni primarja għalija, għaliex għandna nkunu membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea hi forza ġdida u qawwija għall-paċi, li tħaddan dawk il-prinċipji ta’ drittijiet u ta’ ġustizzja soċjali li huma l-istess prinċipji li suppost inħaddnu lkoll kemm aħna. M’hux biss temmen f’dawk il-prinċipji, iżda wkoll tħarishom u tiggarantihom, biex f’Malta wkoll qatt aktar, bħalma darba kienu, ma jerġgħu jkunu mheddha.

Il-Maltin li ilhom għaxar snin jaħtru b’vot ħieles lis-Sindki u ‘l-Kunsilliera tagħhom, ser issa jibdew jaħtru b’vot ħieles lir-rappreżentanti Ewropej tagħhom li ser ipoġġu madwar l-istess mejda ma’ pajjiżi żgħar u kbar, iżda lkoll ġirien indaqs.

Din ser tkun l-akbar bidla minn mindu l-poplu Malti, f’referendum iddeċieda li Malta ssir Indipendenti.

‘Il-bidla tkompli’ u saħħitkom bħala r-rappreżentanti u l-mexxejja tal-bliet u r-rħula Maltin ser tikber f’Malta l-ġdida, sieħba ta’ l-Ewropa l-ġdida. Il-futur ta’ Malta wasal, u l-futur ta’ l-Ewropa wasal ukoll. L-Ewropa ser tkun dejjem anqas Ewropa tal-gvernijiet u tal-ġnus, u dejjem aktar Ewropa tal-bliet u l-irħula.

Fl-Unjoni Ewropea għandkom il-mezzi biex tattiraw investiment lejn blietkom: investiment

  • fil-kwalità ta’ l-ambjent urban,
  • fil-faċilitajiet għal turisti li jżuru x-xtajtiet u l-mixjiet fl-egħlieqi li tieħdu ħsieb;
  • fit-taħriġ għal residenti tagħkom li għandhom bżonn għajnuna biex jerġgħu imorru għax-xogħol –
    • min imdorri jaħdem f’industriji antiki,
    • min ilu wisq maqtugħ mis-suq tax-xogħol,
    • min għandu bżonn jitgħallem lingwa oħra biex ilaħħaq ma’ min iżurna,
    • min għandu bżonn jitgħallem juża l-kompjuter.

Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsilli Lokali Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi biex jkunu jistgħu jagħmlu ġemellaġġi ma’ l-lokalitajiet fejn hemm komunitajiet kbar tal-Maltin u li m’humiex minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropeja.

Fl-Unjoni Ewropea, intom il-mexxejja tal-bliet u r-rħula Maltin, għandkom il-mezzi toħolqu x-xogħol għall-Maltin f’Malta. Qatt daqs illum il-Kunsilli Lokali Maltin ma kellhom daqshekk ċans ikunu tant siewja fil-ħajja tal-Maltin.

Intom mistiedna fil-Kumitat tar-Reġjuni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tgħassu lill-Ewropa kif tgħassu lilna f’Malta: taraw li d-deċiżjonijiet dejjem jittieħdu hemm fejn hu l-eqreb possibbli taċ-ċittadini, hemm fejn hu l-eqreb possibbli ta’ dawk li jivvutawlkom. Intom fdati b’sehem minn responsabbiltà li bħalha ebda Malti qatt ma kellu: sehem mill-gvern ta’ l-Ewropa.

Meta konna maħkumin, konna biss noħolmu kif kellha tkun l-Ewropa, hekk kif konna nħokku xaharna għax ma nifhmux il-gwerer, il-firda: l-Ewropa ta’ Kajjin u l-Ewropa t’Abel. Illum, ulied Kajjin u Abel ta’ l-Ewropa fehemu dak li aħna fehmna qabilhom: il-ġid jitkattar biss jekk tinħoloq il-fiduċja … fiduċja bejn popli ġirien, bejn bliet u rħula ġirien; fiduċja, ukoll, fil-Maltin.

Għamilna sittin sena ngħidu li f’Ewropa mifruda rridu nkunu newtrali … issa li hi magħquda, għandna d-dmir li ngħinu mmexxuha … intom għandkom id-dmir tgħinu tmexxuha.

‘Il-bidla tkompli’ u l-poter tal-Maltin li jinfluenzaw id-deċiżjonijiet li jolqtuhom bil-vot tagħhom ser ikompli jitkattar. B’referendum il-Maltin ser jgħażlu r-rotta għall-futur. Bħalkom, tassew kburi li qed ngħix f’dan il-mument storiku għal pajjiżna. Iżda dan m’hux kumbinazzjoni. Il-partit li nagħmel parti minnu jien, il-Partit Nazzjonalista, mill-ġdid qed ikun dak il-partit li flok b’isteriżmu jidħol f’qoxortu mwerwer, jgħolli ħarstu ‘l quddiem lejn il-futur tal-Maltin. Għaxar snin ilu, il-futur kien li nħawlu d-demokrazija lokali u dak il-futur baqgħalu ħafna fejn jikber. Ma’ dak naraw ukoll il-futur ta’ Malta Indipendenti, ta’ Malta msieħba f’Ewropa Waħda.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

Aktar Stqarrijiet Right arrow