JIBDEW IL-LAQGHAT MA’ SETTURI DIFFERENTI TAN-NEGOZJU BIEX JAHTFU L-OPPORTUNITAJIET TA’ NEGOZJU FIL-PAJJIŻI TA’ L-UNJONI EWROPEA.
“Issa wasal iż-żmien li l-kuntratturi Maltin ma jibqgħux jaħsbu f’suq lokali ta’ erba’ mitt elf ruħ, iżda jeħtieġ li jagħrfu jfittxu l-informazzjoni u japprofittaw ruhhom mill-opportunitajiet kbar li huma disponibbli għalihom permezz ta’ l-Unjoni Ewropea.”
Dan huwa l-messaġġ li ta s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt laqgħa minn sensiela ta’ laqgħat mas-setturi differenti tan-negozju, li nżammet fil-bini tal-METCO.
F’din l-ewwel laqgħa kienu mistiedna kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni u oħrajn li joffru servizzi relatati.
Numru minn dawn assistew għal taħdita parteċipattiva fil-preżenza ta’ uffiċċjali minn għaqdiet u entitajiet governattivi, li offrew il-kontribut tagħhom f’dan l-eżerċizzju ta’ laqgħat bħal dawn.
L-Onor. Edwin Vassallo spjega l-importanza li l-kuntratturi Maltin iridu jidraw jaħdmu f’suq akbar u komuni, u fl-istess ħin jippreparaw sabiex ikunu kapaċi jespandu f’pajjiżi oħra.
Huwa għamilha ċara wkoll li l-Unioni Ewropea m’hix xi forma ta’ take-away, li ser tqassam xi fondi bl-addoċċ lil min jaħseb li jkollu bżonn. Il-fondi li jeżistu rridu nkunu kapaċi napplikaw għalihom. Hemm bżonn li jidħol aktar il-kunċett ta’ proġetti. Kull kuntrattur Malti irid jippreżenta ruħu, u jkun minn ta’ quddiem biex jibbenifika l-massimu minn dawn l-opportunitajiet li qegħdin hemm, imma li rridu nkunu nafu nakkwistawhom.
Għalhekk qed jigu organizzati dawn it-tip ta’ laqgħat, fejn ser tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kollha possibbli sabiex il-kuntrattur Malti, jiġi mgħejjun jilħaq l-għanijiet tiegħu. Għal dan l-iskop ukoll ġie mniedi ktieb ta’ nformazzjoni utli maħruġ mill-uffiċċju ta’ l-EIC fi ħdan il-METCO, li qed ikun għad-dispożizzjoni ta’ kull min irid jagħmel użu minnu.
Edwin Vassallo appella lil dawk preżenti, sabiex ma jibżgħux mill-isfidi. Il-Gvern Malti jemmen fil-kapaċita’ tal-Maltin. Il-kuntrattur Malti m’hu xejn inqas minn kuntratturi barranin. Il-Gvern stinka u nnegozja sabiex akkwista d-dritt ta’ l-aċċess ta’ opportunitajiet ġodda fi ħdan l-Unjoni Ewropea, issa jmiss lill-Maltin li jippreżentaw lilhom infushom, u jkunu minn ta’ quddiem, u ma jitilfux din l-opportunita’.
Jeżistu l-istrutturi kollha sabiex il-kuntrattur Malti jkun jista’ jiġi mgħejjun. “Tul l-erba snin u nofs li għaddew , is-Segretarjat immexxi minni ħa ħsieb li jwaqqaf dawn l-istrutturi, u issa qegħdin jaħdmu. Hemm nies kapaċi u disposti jagħtukom l-għajnuna. Għamlu użu sew minn dawn l-istrutturi, u ejjew nuru li aħna nafu nkunu kompetittivi”. temm jgħid is Segretarju Parlamentari Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en