Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-LAQGĦA TAS-SINDKI

PR63
Date Icon 18/01/2003
Ippermettulinibda dan id-diskors b’xi ħaġa li normalment issir lejn l-aħħar tad-diskors jiġifieri r-ringrazzjamenti.  Irrid l-ewwelnett nirringrazzjakom ta’ l-istedina sabiex niġi u niċċelebra magħkom dan l-anniversarju.  Irrid imma wkoll nirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn l-għaxar snin li għaddew ħadmu sabiex l-esperiment li nidejna fl-1993 sar wieħed mill-isbaħ esperjenzi ta’ l-iżvilupp amministrattiv u politiku ta’ pajjiżna.  Għalkemm jien dejjem emmint li l-Kunsilli Lokali kienu ser jirnexxu, kont konxju mit-tlett sfidi li dawn riedu jiffaċċjaw mat-twelid.
L-ewwelsfida kienet li kellna wieħed miż-żewġ partiti politiċi li b’mod uffiċjali ħareġ kontra l-introduzzjoni tal-gvern lokali.  Dan seta’ faċilment wassal sabiex il-kunsilli jsiru ballun politiku li jiġi xxutjat barra mill-grawnd ta’ l-amministrazzjoni qabel tibda l-logħba.  Dan ma ġarax ngħid jien, grazzi għall-għaqal li ntwera u x-xogħol li wettqu l-ewwel kunsilli li b’ħidmithom ikkonvinċew li iva, il-kunċett ta’ Gvern Lokali jagħmel sens anke għal Malta.
It-tienisfida li kellhom jegħlbu l-ewwel kunsilli lokali kienet in-nixfa ta’ sens ċiviku fost il-Maltin.  Is-sistema ta’ gvern ċentralista tas-sebgħinijiet, fejn anke l-iżjed affarijiet bażiċi, kienu jiġu deċiżi mill-ministri tal-gvern, ħonqot ħafna mill-inizjattiva ċivika.  L-ewwel kunsilli lokali servew biex dakkru l-ftit xitel ta’ sens ċiviku li kien baqa’ f’xi bliet u rħula filwaqt li żergħu żerriegħa ġdida li malajr kibret u nfirxet ma’ kull rokna ta’ Malta.  Ir-riżultat hu li llum kull belt u raħal Malti reġa’ kiseb l-identità tiegħu, identità li warajha hemm qafas ta’ amministrazzjoni mwieżen minn sens ċiviku qawwi.
It-tieletsfida kienet waħda ta’ aspettativa.  Din l-isfida forsi ma kinitx tanġibbli, ma stajtx tmissa daqs iż-żewġ sfidi li semmejt qabel imma naħseb kienet l-ikbar ħajt li kellhom quddiemhom il-kunsilli lokali għaxar snin ilu.  Il-kunsilli lokali bħal kull tarbija tat-twelid, riedu ż-żmien sabiex jitgħallmu jimxu.  Il-gvern ċentrali ried ukoll jitgħallem u jaddatta ruħu għal ċirku iżjed dejjaq ta’ poter.  Min-naħa l-oħra, l-aspettativa fost iċ-ċittadini kienet għolja.  Għalhekk kien hemm il-possibilità li l-ħidma tal-kunsilli ma tlaħħaqx ma’ l-aspettativi taċ-ċittadin.  Dan ma seħħx ngħid jien għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel raġuni kienet l-entużjażmu li wrew il-kunsilli pijunieri, entużjażmu li ġarr miegħu liċ-ċittadini.  It-tieni raġuni li waslet biex intgħelbet din l-isfida kienet il-mod għaqli li bih il-gvern għadda b’mod gradwali, responsabbilitajiet ġodda.  B’hekk ir-responsabilità tal-kunsilli kibret hekk kif kibret il-kapaċità tagħhom li jwettqu ħidmithom.
Ir-riżultatita’ din il-ħidma jista’ jarahom kulħadd.  Bħal kull Malti ieħor, inħossni kburi nimxi fil-bliet u l-irħula tagħna u nara kif sbieħu t-toroq, il-pjazez u l-ġonna grazzi għax-xogħol li qed jagħmlu l-kunsilli.  Dan l-aħħar mort il-Qala Għawdex sabiex ninawgura leisure park.  Laqatni l-proġett fih innifsu imma laqatni wkoll id-diskors tas-sindku li fih qal li dan il-proġett kien ilu ħolma għal għexieren ta’ snin.  Li kieku ma kienx hemm il-Kunsilli l-probabiltà kbira kienet li dan il-proġett kien jibqa’ ħolma li tintiret minn ġenerazzjoni għal ta’ warajha.  Minflok ħolma issa l-ġenerazzjonijiet Qalin ser jirtu proġett li jagħmel ġieħ lil kull min ħadem fuqu hekk kif ser jagħti pjaċir lil kull min jarah u jużah.  Din l-istorja hija waħda minn ħafna mferxin ma’ kull rokna tal-gżejjer tagħna.  Hija l-istorja tad-differenza li għamlu l-kunsilli lokali.
Il-bidlagħall-aħjar li ġabu magħhom il-kunsilli lokali m’hiex limitata għall-ambjent fiżiku.  Il-kunsilli lokali llum qed joffru u jaħdmu servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin.  Il-ħsieb tagħna hu li nagħtu dejjem aktar spazju lill-Kunsilli Lokali sabiex ikabbru r-responsabbiltajiet tagħhom.  Dan kien punt li tqajjem fir-rapport dwar id-Demokrazija Lokali f’Malta li għadu kif ġie konkluż mill-Kamra ta’ l-Awtoritajiet Lokali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa.  Dan ir-rapport jesprimi ammirazzjoni għall-passi konsiderevoli li għamiltu intom, naħseb bi ftit mertu wkoll tal-Gvern Ċentrali, f’dawn l-aħħar għaxar snin.

U nixtieq nieqaf ftit fuq din l-‘intom’ li għadni kif semmejt.  F’din is-sala llum hawn nies minn kull qasam tal-ħajja.  Hawn għalliema, sajjieda, professjonisti, nisa tad-dar, żgħażagħ u min mhux daqshekk żagħżugħ.  Anke dan fih innifsu huwa ċertifikat tas-suċċess tal-kunsilli lokali.  Dawn ġibdu lejhom l-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija.  L-awtonomija lokali issa hija mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna.  B’hekk il-vuċi li għandkom hija garantita darba għal dejjem. 

X’futurgħandhom il-Kunsilli Lokali?  Jiena nara żewġ opportunitajiet kbar li jistgħu jiftħu bibien ġodda għall-Kunsilli Lokali.  L-ewwel opportunità hija l-użu ta’ l-informatika.
Kienbi ħsieb ċar li l-Gvern tiegħi rabat il-Gvern Lokali u l-qasam ta’ l-informatika taħt l-istess ministeru.  L-informatika tagħti lil kull tip ta’ amministrazzjoni għodda b’saħħitha ferm.  Hija għodda li mhux biss tgħin fl-amministrazzjoni ordinarja, imma aktar minn hekk hija għodda li tagħmilha possibbli li s-servizz jingħata aħjar, f’inqas ħin u b’aktar kumdità għaċ-ċittadin.  L-opportunitajiet huma kbar, irridu nkunu aħna li ngħarfu naħtfuhom.  Qed nieħdu inizjattivi f’dan il-qasam sabiex inkunu dejjem minn ta’ quddiem.  L-akbar kumpaniji f’dan il-qasam illum iħarsu lejn Malta bħala sieħeb bis-sens.  Irridu niżguraw li din is-sħubija nisfruttawha fi proġetti li jġibu ċ-ċittadin viċin id-dinja ta’ l-informatika.  Irridu li din l-isħubija bejn il-gvern ċentrali u lokali u dawn il-major players tad-dinja ta’ l-informatika ttejjeb bil-kbir il-ħajja taċ-ċittadin.
F’dawnl-aħħar ġimgħat tkellimna ħafna u ser inkomplu nitkellmu fuq sħubija oħra.  Malta issa qegħda fuq l-għatba tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Illum ħafna kunsilliera jafu, għax ħadmu mill-qrib, xi tfisser l-Unjoni Ewropea.  Jafu l-programmi li għandha l-Unjoni sabiex tgħin il-Gvern Lokali.  Fostkom hemm numru ta’ kunsilli, li minkejja l-limitazzjonijiet imposti fuq pajjiż li għadu barra mill-Unjoni, ġibdu lejhom fondi li ntużaw għall-proġetti ta’ fejda.  Wara Mejju tas-sena d-dieħla l-possibilitajiet ser jikbru ferm hekk kif Malta ssir membru.
Il-blietu l-irħula tagħkom għandhom stedina sabiex jissieħbu fil-familja ta’ bliet u rħula fl-Unjoni Ewropea.  M’għandi l-ebda dubju li l-Maltin, kif għarfu l-opportunità tal-gvern lokali minkejja n-nuqqas ta’ qbil politiku li kien hawn dak in-nhar, ser jgħarfu l-opportunitajiet kbar u irrepetibbli li toffrilna sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Jekknagħrfu nieħdu dawn iż-żewġ opportunitajiet żgur li meta niltaqgħu għaxar snin oħra sabiex niċċelebraw l-għoxrin anniversarju nkunu nistgħu nerġgħu nagħtu ċertifikat ieħor ta’ eċċellenza lill-ħidma tal-kunsilli lokali.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

Aktar Stqarrijiet Right arrow