ĠENITURI U GĦALLIEMA FLIMKIEN GĦALL-ĠID TA’ ULIEDNA
L-Assoċjazzjoni Kunsilli ta’ l-Iskejjel (AKS) kompliet bis-sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li qed tagħmel ma’ l-imsieħba kollha fl-edukazzjoni b’mod partikolari mal-ġenituri. Matul dawn il-laqgħat qed tkun diskussa l-aġenda edukattiva nazzjonali.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea, fid-diskors tiegħu, qal li tul din il-leġislatura l-ġdida, l-Gvern ser jipproponi aktar riformi fil-qasam kollu edukattiv. Dan hu meħtieġ: sew biex ikomplu jintlaħqu l-iskopijiet kollha tal-Kurrikulu Nazzjonali, kif ukoll biex f’kull settur jitjiebu l-kwalita’ u riżultati tal-proċess edukattiv.
Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni obbligatorja bejn it-tlieta u s-sittax-il sena ser tkompli issir ħidma fuq tlett fronti:
dak tal-kontenut biex intejjbu l-kwalita’ ta’ dak li jsir fil-klassi ma’ l-istudenti kollha;
dak ta’ l-ambjent fiżiku ta’ l-iskejjel u l-għodda tat-tagħlim;
u dak ta’ sistema ġdida għat-tmexxija ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji - biex il-proċess edukattiv ikun wieħed aktar kontinwu bil-benefiċċji ta’ awtonomija fit-tmexxija - li tassigura l-kwalita’ u d-diversita’ fit-tagħlim.
Attenzjoni speċjali ser tingħata lill-iskejjel sekondarji. Fl-istess ħin ser tiġi adottata strateġija nazzjonali ta’ edukazzjoni tul il-ħajja; jissaħħaħ u jitkompla l-MCAST; tingħata ħarsa mill-ġdid lill-ħidma ta’ l-Universita’; u jitwaqqfu strutturi ġodda li jkollhom is-saħħa u l-għodda biex iwettqu superviżjoni u evalwazzjoni tal-ħidma edukattiva f’kull saff tas-sistema.
Il-Ministru Louis Galea ħabbar li behsiebu jistieden lil dawk kollha nteressati għal djalogu miftuħ, fejn il-Gvern ipoġġi fuq il-mejda l-ideat kollha tiegħu u jistieden lil kulħadd jagħmel l-istess; bl-iskop li jinkiseb l-usa qbil possibbli favur ħidma nazzjonali li tagħti lil poplu Malti u Għawdxi l-aqwa sistema edukattiv possibbli.
Il-Ministru Louis Galea tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-ġenituri u l-għalliema jkomplu jaħdmu flimkien għall-ġid tat-tfal u jkunu l-ixprun tal-bidla meħtieġa fil-qasam edukattiv u b’mod partikolari fil-bidla lejn mentalita’ u kultura parteċipattiva. Il-Ministru qal li qed iħejji liġi ġdida ta’ l-edukazzjoni li se tolqot l-oqsma kollha ta’ l-edukazzjoni f’pajjiżna. Hu qal li jħares ‘il quddiem għas-snin li ġejjin b’entużjażmu u interess imġedded, għax jaf li kulħadd f’Malta lest jagħti sehmu biex l-edukazzoni titjieb, tant li tilħaq lil kulħadd u dan bl-iskop li ħadd ma jibqa’ lura.
L-Assocjazzjoni tal-Kunsilli ta’ l-Iskejjel (AKS) hi moviment ta’ ġenituri u għalliema li jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ l-iskejjel u l-edukazzjoni ta’ l-ulied. B’kollox l-AKS għandha msieħba magħha mal-100 skola ta’ l-iStat u aktar minn 1,000 membru.
Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ l-Assoċjazzjoni s-Sur Frans Borg qal li wara li din is-sena saru mill-ġdid l-elezzjonijiet tal-Kunsilli ta’ l-iSkejjel, jidher li l-ġenituri u l-għalliema qiegħdin jifhmu dejjem aktar ir-rwol tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal u fit-tmexxijja ta’ l-iskejjel. Hu ta rendikont tal-ħidma ta’ l-AKS, partikolarment b’rallies mal-ġenituri, laqgħat ma’ l-għalliema u l-Presidenti, parteċipazzjoni f’konferenzi nazzjonali u internazzjonali, pubblikazzjoni ta’ linji gwida dwar il-ħidma tal-kunsilli u kuntatt dirett ma’ l-iskejjel.
Hu ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ Forum Nazzjonali ġdid PiE (Parents in Education - “Ġenituri għall-Edukazzjoni”). Dan il-Forum se jlaqqa’ fih l-istess assoċjazzjoni, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Focus Group dwar l-Involviment tal-Ġenituri u l-Iskejjel bħala Ċentri ta’ Tagħlim fil-Komunita u l-Għaqda tal-Genituri ta’ Tfal l-Iskejjel tal-Knisja.
Il-laqgħa iddiskutiet l-aġenda edukattiva għas-snin li ġejjin, it-tiġdid ta’ l-impenn favur edukazzjoni ta’ kwalita’ u s-soluzzjoni ta’ problemi li għalkemm ilhom jiġu diskussi għadhom ma ġewx risolti totalment.
L-AKS se tiġbor il-kummenti u s-suġġerimenti tal-ġenituri u stakeholders oħra f’dokument li jiġi ippreżentat lill-awtoritajiet edukattivi. L-AKS diġa` għandha diversi proposti dwar oqsma bħal assessjar u l-eżamijiet, id-dixxiplina fl-iskejjel, tisħiħ tas-sistema sekondarja b’mod partikolari l-iskejjel sekondarji, kif ukoll il-provvediment ta’ servizzi ta’ appoġġ għat-tfal.
Fi tmiem il-laqgħa l-AKS ħabbret li wara is-suċċess tas-sena li għaddiet, din is-sena fl-14 ta’ Ottubru se jkun ċelebrat il-Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskola, mniedi mill-European Parents Association (EPA). Hu mistenni li jkun hemm parteċipazzjoni qawwija mis-setturi kollha ta’ l-edukazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en