AKTAR TAĦRIĠ GĦALL-IMPJEGATI FL-ISPTAR MONTE CARMELI
"F’dinja tax-xogħol li kuljum qed tinbidel, il-Gvern joffri opportunitajiet lill-ħaddiema biex jaġġornaw ruħhom dwar metodi ġodda ta’ kif jaqdu dmirhom lejn il-klijenti tagħhom, fil-kaz tagħna il-pazjenti. F’dawn l-aħħar tliet snin, id-Diviżjoni tas-Saħħa, investiet fit-taħriġ ta’ numru kbir ta’ impjegati biex tilħaq mal-ħatriet preżenti u futuri”.
Dan qalu l-Onor. Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, waqt ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lil madwar mitt impjegat f’kategoriji differenti fl-isptar Monte Carmeli wara li ngħataw taħriġ ta’ aġġornament fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
Mis-sena 2000, id-Diviżjoni tas-Saħħa bdiet tassisti lil dawk it-tobba u paramediċi fid-Diviżjoni li jkunu jixtiequ jsegwu korsijiet ta’ taħriġ kemm f’Malta kif ukoll barra, kemm-il darba dan ikun ta’ benefiċċju għalihom kif ukoll għall-pazjenti.
Numru sostanzjali ta’ paramediċi u tobba japplikaw għal dan it-taħriġ, u d-Diviżjoni tgħinhom billi tagħtihom l-opportunità li jkomplu l-istudji tagħhom fid-diversi dixxiplini kif rakkomandati mill-kapijiet tad-dipartimenti konċernati.
Impjegati oħra jintbagħtu regolarment isegwu korsijiet organizzati mill-SDO biex jaġġornaw ruħhom dwar prattiċi moderni ta’ xogħol. Dan kollu l-Ministeru tas-Saħħa jagħmlu għax jemmen li l-kwalità tas-servizz tiddependi ħafna fuq il-kwalità ta’ l-impjegati li jipprovduh. Dan it-taħriġ iservi ukoll biex l-impjegati jsiru aktar professjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Disgħin infermier fl-isptar Monte Carmeli segwew kors ta’ taħriġ fil-kontroll ta’ sitwazzjonijiet aggressivi li dawn l-infermiera jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom minn żmien għall-żmien. Dawn huma sitwazzjonijiet reali għalkemm mhux daqshekk spissi fi sptar li joffri kura mentali.
Dan it-tip ta’ taħriġ iżid il-motivazzjoni u l-kunfidenza ta’ l-infermiera għaliex ikunu f’pożizzjoni aħjar meta jiġu biex jiffaċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. It-taħriġ ingħata minn żewġ nursing tutors li nġiebu minn North Staffordshire Combined Healthcare (NHS Trust) fl-Ingilterra.
Matul dawn l-aħħar xhur ingħata wkoll taħriġ lil numru ta’ Occupational Therapists, Senior Technical u Executive Officers, Telephone Operators u Receptionists. L-uffiċjali ġew imħarġa fil-First Line Management u dan kien utli ferm għaliex ħafna minn dawn imexxu diversi taqsimiet b’responsabiltà ta’ numru ta’ ħaddiema.
Numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ġewwa s-sezzjonijiet tal-leaves u tas-salarji ukoll ingħataw taħriġ intensiv fl-informatika. Bis-saħħa ta’ dan it-taħriġ, dawn l-impjegati akwistaw it-tagħrif meħtieg biex ikunu jistgħu joperaw sistemi avvanzati ta’ payroll u human resources modules u dan huwa utli ferm issa li l-isptar ingħata l-awtonomija finanzjarja.
Telephone operators u receptionists ingħataw taħriġ intensiv fil-customer care. Dawn il-persuni huma l-ħolqa bejn l-isptar u l-pubbliku u xogħolhom ħafna drabi jiddetermina l-immaġini ta’ l-isptar f’għajnejn il-pubbliku. Għalhekk it-tmexxija ta’ l-isptar tagħti attenzjoni kbira lil din is-sezzjoni ta’ ħaddiema.
“Anki l-okkażjoni ta’ l-għoti ta’ ċertifikati tal-lum hija xhieda li għall-Ministeru tas-Saħħa l-aktar riżorsa importanti huma l-ħaddiema li fil-maġġoranza kbira tagħhom jagħtu servizz ta’ kwalità lill-poplu Malti" temm jgħid il-Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931