DISKORS TA’ L-ONOR. EDWARD FENECH-ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TA’ L-IFFIRMAR TAT-TRATTAT TAS-SĦUBIJA – 16 T’APRIL 2003 - ATENI
Għat-tieni darba, id-destin ried it-tkabbir ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea jintrabat hawn il-Greċja. Dan huwa tassew xieraq għaliex il-Greċja hija l-benniena ta’ dak li huwa l-aktar ta’ valur fil-wirt ewropew.
Dak li qed niċċelebraw illum ħa l-ħajja mal-waqgħa tal-komuniżmu u t-tmiem tal-gwerra bierda fl-egħluq is-snin tmenin. Waqt li nuru s-sodisfazzjon tagħna għal fejn wasalna llum, niftakru wkoll li hemm popli oħra fl-Ewropa li għad baqagħlhom biċċa mit-triq biex jaslu fejn diġà waslu l-oħrajn.
Issa li wasal iż-żmien biex wieħed jibda jaħseb fuq sa fejn jista’ jlaħħaq it-tkabbir ta’ l-Unjoni, il-bżonn jiżdied li l-Ewropa tħares ukoll lejn dak li hu madwarha. Dak li qed iseħħ mhux bogħod minn hawn fil-Lvant Nofsani żgur ma jħalliniex ninsew dan.
Għaldaqstant huwa xieraq li matul din il-laqgħa ddedikata għat-tkabbir nsibu wkoll ħin biex nitkellmu fuq ir-relazzjonijiet ta’ l-Ewropa mal-ġirien tagħha.
Il-fehma soda tal-wirt ewropew kontinwament tispira lil Malta fil-mixja tagħha lejn l-Unjoni Ewropea. Il-poplu Malti jħoss ruħu ewropew fl-iżjed sens intimu, kemm individwali kif ukoll kollettiv. Dan joħroġ mill-isfond ġeostrateġiku ta’ pajjiżna, mill-valuri morali, spiritwali u soċjali tiegħu, mill-ħafna ġrajjiet ta’ l-istorja tiegħu, u mill-istituzzjonijiet li fuqhom hija mibnija s-soċjetà Maltija.
Illum inħossuna kburin li Malta qed tieħu postha bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Aħna lesti u ħerqana li nagħtu l-kontribut tagħna għal din l-esperjenza Ewropea straordinarja.
Nħossu li għandna l-fehma u l-impenn partikolari tagħna x’nagħtu biex insaħħu l-għanijiet li fuqhom hija mibnija l-Ewropa.
L-esperjenza tagħna tgħallimna x’inhi t-traġedja u l-qerda tal-Gwerra, u l-kontribut għas-sliem li jiġi mill-koperazzjoni bejn il-popli. Nifhmu li m’hemmx garanzija għall-paċi ħlief dak li jirriżulta mix-xogħol kontinwu u bla heda tagħna lkoll flimkien.
Nemmnu li l-identità u s-sovranità ta’ poplu aktar tissaħħaħ meta tkun imsieħba mas-sovranità u l-identità ta’ popli oħrajn. Malta dejjem ħadet sehem minn ta’ quddiem fil-proċessi multilaterali kemm reġjonali kif ukoll internazzjonali. L-Unjoni Ewropea hija eżempju mill-aqwa ta’ dan.
Aħna ngħożżu r-rwol importanti ta’ l-individwu fis-soċjetà u nifhmu li l-paċi, is-sliem u l-prosperità ma jistgħux jinbnew sewwa mingħajr ma l-individwu jkun ikkunsidrat fid-dinjità tiegħu. Għaldaqstant nqisu bl-akbar interess l-isforzi li dejjem qed jiżdiedu fl-Unjoni Ewropea biex jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadin fl-iżviluppi kontinwi li qed iseħħu fl-istituzzjonijiet Ewropej, fil-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni u f’oqsma oħra tal-ħajja Ewropea.
Malta għandha interess speċjali li l-ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea jifhmu li din l-Unjoni toffrilhom opportunitajiet dejjem akbar ta’ ħbiberija u koperazzjoni. Bħala membru ta’ l-Unjoni Malta ġġib magħha apprezzament speċjali tas-sitwazzjoni komplessa u sensittiva fil-Mediterran. Bi ħsiebna nagħtu l-kontibut partikolari tagħna biex l-Ewropa ssaħħah l-importanza tar-rwol neċessarju tagħha f’dan ir-reġjun.
L-isfida li hemm quddiemna mhix faċli. Sħubija fl-Unjoni m’hijiex soluzzjoni aħħarija, iżda biss mezz li jgħinna biex naħdmu għal aktar għaqda fil-kontinent tagħna. Però, il-fatt li qed nissieħbu ma’ tant oħrajn f’dan il-għan komuni jservi kemm ta’ inkoraġġiment kif ukoll ta’ tama għall-ġejjieni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934