Investiment Kapitali ta' Miljun u Nofs fl-MCAST
"Fil-Budget għal din is-sena (2003) l-Gvern ikkommetta miljun u nofs liri Maltin biex isir investiment kapitali massiv fil-Kulleġġ Malti għal Arti, Xjenza u Teknoloġija - l-MCAST. Ix-xogħlijiet diġa bdew u hu mistenni li l-partijiet li fihom mistennija jidħlu l-istudenti f'Settembru li ġej, ikunu lesti fil-ħin"
Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea meta żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq estensjoni ġdida ta' l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u Kommunikazzjoni (ICT - Information and Communications Technology). Din l-estensjoni ser issir biex ikun hemm aktar spazju biex dan l-Istitut jilqa' żieda ta' madwar 100 student u jżid il-korsijiet li jista' joffri.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-MCAST issa ilu miftuħ għal kważi sentejn b'sitt Istituti. Is-sena d-dieħla l-MCAST se jinkorpora fiħ tlett Istituti ġodda:
- l-Istitut ta' l-Inġinerija Mekkanika,
- l-Istitut ta' l-Agri Kummerċ u
- l-Istitut tal-Kura fil-Komunita'.
Biex l-MCAST isir istituzzjoni ta' l-għola kwalita', se jsir ukoll investiment b'faċilitajiet għall-istudenti u l-lecturers kif ukoll għall-amministrazzjoni. Il-Faċilitajiet jinkludu: Librerija u Learning Resource Centre, Laboratory Block,Canteen, Students' House u Common Room, Guidance Rooms, Uffiċini, Gymnasium u diversi klassijiet u laboratorji.
Ser issir wkoll estensjoni u refurbishment komplet ta' l-Istitut Mikiel Anġ Sapiano, li se jospita l-Istitut ta' l-Inġinerija Mekkanika l-ġdid. Il-Ministru Louis Galea qal li biex dan jitwettaq kien hemm bżonn ta' investiment kapitali sostanzjali u l-Gvern ikkommetta mal-miljun u nofs liri biex dan ikun jista jsir.
Fil-blokki kollha qed isir xogħol biex ikunu konformi mar-regoli ta' aċċessibilita' u tas-saħħa u s-sigurta'. Ser isiru ukoll xogħlijiet fil-Kampus ta' Għawdex fejn qed isiru taħdidiet mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra, biex issir librerija li taqdi l-bżonnijiet ta' l-istudenti kif ukoll tal-lokalita' tax-Xagħra. Qed jiġu evalwati estensjonijiet ta' faċilitajiet oħrajn biex joffru korsijiet ġodda li se jibda joffri l-MCAST f'Għawdex minn Settembru li ġej.
Il-Ministru Louis Galea qal li bix-xogħlijiet li se jsiru l-MCAST, mistenni li jassorbi l-istituzzjonijiet li bħalissa jaqgħu taħt id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u joħloq it-tlett Istituti l-ġodda. B'ħekk filwaqt li jkompli jibni fuq it-tajjeb li kien hemm, l-MCAST se jibda joffri numru ta' korsijiet ġodda, kemm fl-Istituti l-ġodda kif ukoll fl-Istituti li diġa jeżistu.
Il-Ministru qal li f'Settembru li ġej l-MCAST se jibda joffri livell ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ: dak tal-Higher National Diploma, f'diversi istituti. B'hekk il-kulleġġ ikun wasal biex joffri korsijiet sal-Livell 4. L-MCAST għad irid jasal biex joffri korsijiet ta' Livell 5 li jkun livell ta' Degree.
Louis Galea qal li dan juri l-impenn tal-Gvern fil-qasam tat-tagħlim vokazzjonali u teknoloġiku. Il-ftuħ ta' l-MCAST kien biss l-ewwel pass fil-mixja twila li trid issir biex il-qasam tat-tagħlim vokazzjonali jingħata l-importanza li jistħoqqlu.
Il-Ministru qal li l-Partit Laburista qed jipperikola dan il-proċess biex jipprova jixtri ftit voti.
Il-Ministru qal li l-Kelliem dwar l-Edukazzjoni Evarist Bartolo kiteb lill-istudenti u lill-għalliema ta' l-Istitut Mikiel Anġ Sapiano (li hu mistenni jsir parti mill-MCAST f'Settembru li ġej) biex jgħidilhom li Gvern Laburista ser iħalli l-Istitut kif inhu. Dan ifisser li l-proċess ta' bidla li beda’ dan il-Gvern se jkun imwaqqaf u ma nilħqux il-milja ta' dan il-kulleġġ.
Il-Ministru qal li Gvern prezenti se jkompli jaħdem biex l-MCAST jieħu postu bħala t-tieni kolonna ta' l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja, ma' ġenb l-Junior College u l-Universita' li tipprovdi għall-edukazzjoni akkademika.
Fil-Programm tieghu, il-Gvern prezenti qed jipproponi li jkun hemm Kummissjoni Nazzjonali biex tappoġġja u issaħħaħ l-Universita' u l-MCAST, hekk kif in-numru ta' studenti f'dawn l-istituzzjonijiet ser ikompli jiżdied bl-eluf fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru temm jgħid li l-fatti juru li l-Gvern preżenti kien kapaċi joħloq struttura b'saħħitha fi ftit aktar minn sentejn u qed ikompli jsaħħaħ din l-istruttura. Kien kapaċi ukoll joħloq struttura li tintgħoġob mill-istudenti u dan jixhduh in-numru kbir ta' studenti li kull sena qed japplikaw biex jidħlu fl-MCAST.
Louis Galea qal li taħt Gvern Nazzjonalista, l-MCAST ikompli jikber kif kibret u se tkompli tikber l-Universita', biex noffru l-opportunita' lill-eluf ta' studenti li mistennija jkompli l-istudji tagħhom f'livelli għola; kif ukoll biex nipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934