Titnieda l-akkademja ORACLE
It-tielet inizjattiva minn naħa tal-Gvern bi sħab ma’ kumpanija multi nazzjonali, li permezz tagħha qed jiġi provdut taħriġ akkademiku lill-istudenti Maltin, bdiet issehh. Fil-fatt il-bierah, il-Gvern nieda uffiċjalment l-akkademja tal-Oracle, akkademja li hija xhieda għal darb’oħra, li l-Gvern irid joffri l-aħjar lill-Maltin. Il-Ministru ghall-Gustizzja u Gvern Lokali, l-Onor. Austin Gatt fisser li din hija inizjattiva oħra li permezz tagħha qed nuru li l-politika tal-Gvern hija politika bażata fuq il-kwalita’ u l-eċċellenza.
Tul dawn l-aħħar senjtejn, kompla Dr. Gatt ħdimna bis-sħiħ, biex insaħħu l-edukazzjoni fil-qasam tal-ICT. Ħdimna bis-sħiħ biex filwaqt li nżidu l-kontenut tal-qasam tal-ICT fil-livelli kollha edukattivi, kif ukoll inressqu l-informatika lejn kulħadd: kemm għall-qasam tax-xogħol, divertiment, l-edukazzjoni u kif ukoll biex wieħed iżomm kuntatt.
Ta’ min isemmi l-investiment kbir li sar fl-iskejjel. L-istudenti kollha Maltin u Għawdxin għandhom aċċess għall-użu ta’ l-Internet, l-użu tal-eMail u l-iktar software riċenti. Ħdimna wkoll biex l-istudenti kola għandhom l-opportunita’ biex itemmu l-iskola sekondarja biċ-ċertifikat tal-ECDL. Ħdimna wkoll biex fil-livell terzjarju, l-istudenti jistgħu jiksbu 30 ċertifikazzjoni professjonali fi tliet teknoloġiji.
Dr. Gatt fisser li f’Malta qed naħdmu biex nipproduċu riżorsi umani speċjaliżżati u mħarrġa fl-eċċellenza.
‘L hinn minn dak li għamilna, irridu nħarsu lejn il-futur fil-qasam tal-ICT. Il-futur ta’ dan il-pajjiż m’huwiex ibbażat biss fuq kliem fil-vojt, clichés u ħolm li ma jirrealiżżax ruħu. Il-viżjoni tagħna għal futur hija mibnija fuq l-għan li nużaw l-informatika biex intejjbu l-kwalita tal-ħajja taċ-ċittadin, kif ukoll inkomplu ntejbu l-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-Maltin. Irridu naħdmu wkoll biex nużaw l-kapaċitajiet tagħna f’dan il-qasam, niġġeneraw il-ġid u impjiegi ta’ kwalita’.
Il-Ministru Gatt temm id-diskors tiegħu billi qal li l-futur qed joffri diversi opportuntiajiet. Huwa sostna li jemmen li dan is-settur huwa s-settur li ser jikkontribwixxi l-iktar għat-tkabbir ekonomiku fl-għaxar snin li ġejjin. Dan meta wieħed jiftakar li pajjiżna ser jkun parti mill-Unjoni Ewropeja, li hija kommessa li tkun l-ikbar ekonomija bbażata fuq l-informazzjoni.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934