OutpatientS tad-Dermatoloġija ġdid fl-isptar Boffa
Fl-aħħar snin il-Gvern ta spinta lill-isptar Boffa billi ntroduċa diversi servizzi ġodda u segwa programmi ta’ moderniżżar ta’ diversi swali.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Dr. Louis Deguara meta kien qiegħed jiftaħ l-Outpatients ġdid tas-Dermatoloġija fl-isptar Boffa.
Dan huwa servizz ġdid. Sal-lum il-pazjenti kienu jiddaħħlu l-isptar għal diversi jiem biex jingħataw il-kura dwar mard tal-ġilda. B’dan is-servizz ġdid issa l-pazjenti jingħataw trattament u jintbagħtu d-dar fl-istess jum. Hekk titnaqqas l-inkonvenjenza ta’ dawk li jkollhom bżonn il-kura.
Illum il-ġurnata aktar nies saru konxji minn mard tal-ġilda li, llum hawn il-kura għaliħ. Fil-fatt f’dan id-Dipartiment hemm diversi servizzi ġodda li qed jagħtu riżultati tajbin fosthom il-PUVA Treatment tal-Psoriasis u ulċeri fis-saqajn, li sa ftit ilu ma kienux jiġu trattati. Dan is-servizz qed jiġi ukoll estiż għaċ-Ċentri tas-Saħħa.
Il-ftuħ ta’ din l-Outpatients huwa pass ieħor fl-isforzi tal-Ministeru tas-Saħħa biex jagħti dehra aħjar lil dan l-isptar li minħabba t-tip ta’ mard li jiġi kkurat fiħ għandu ċerta stigma. Matul l-aħħar snin, sar ħafna xogħol ta’ moderniżżar ta’ diversi swali. Dan l-ambjent pjaċevoli iservi ta’ terapija għall-pazjenti rikoverati f’dan l-isptar.
Dan l-isptar ħafna nies jassoċjawħ mal-mard tal-kanċer. F’dan il-qasam għamilna passi ta’ ġgant billi nvestejna f’apparat u taħriġ, biex issa kull trattament jingħata f’dan l-isptar mingħajr il-ħtieġa li jintbagħtu pazjenti barra għall-kura.
Riċentement inxtara Linear Accelerator bl-aħħar teknoloġija biex jingħata trattament għall-kura tal-kanċer. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar l-isptar Boffa qiegħed joffri servizz ħolistiku għall-pazjenti. Fil-fatt pazjenti f’dan l-isptar illum m’għadhomx jinqasmu bejn l-Isptar Boffa u l-Isptar San Luqa għas-servizzi, għax is-servizzi ta’ kura minn dan l-isptar u dak kollu li jmur magħhom bħal X-Rays u mediċini, qed jingħataw kollha minn dan l-isptar. Hekk naqas ħafna ġiri minn sptar għall-ieħor.
Fl-aħħar il-Ministru irringrazzja lil kull min għen biex setgħet tinfetaħ l-Outpatients tad-Dermatoloġija. Hu ħabbar li fil-futur qrib l-Outpatients eżistenti llum f’dan l-isptar ser tiġi moderniżżata.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934